Storja Tal-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici Ta' Ħal Qormi, Malta

A.D. 1988

 

Kienet ilha tbergħen ix-xewqa f'moħħ ta' bosta Qriema, speċjalment ta' dawk il-parruċċani kif huma magħrufa “Ta ħdejn il-Vitorja”, biex jinfetaħ każin tal-banda ieħor f'din l-akwata.

Issa bejn xi soċi u l-kumitat ċentrali tal-Għaqda Muzikali San Ġorġ Martri, li sa dak iż-żmien kienet l-unika banda fil-parroċċa, żviluppaw xi argumenti fuq għazla ta' marċi brijużi. Fost dawn is-soċi kien hemm dawk li saru l-fundaturi li aktar tard waqqfu l-“Għaqda Soċjo-Mużikali Anici”.

Kull tentattiv biex jintlaħaq ftehim bejn iż-żewġ naħat ma seħx u għalhekk id-determinazzjoni tal-fundaturi u ta' sħabhom li kienu qegħdin jappoġġjawhom ma waqfitx u komplew jaħdmu biex jaraw il-festa tikber aktar u tinfirex iżjed fil-parroċċa kollha. B'hekk iddeċidew li jmorru għall-unika għażla li kien għad fadlilhom, jiġifieri dik ta' banda ġdida. U moħħhom mar fuq il- “Qormi Rockers Football Club.”

Kien Settembru 1987. Il-fundaturi tal-Għaqda li kienu erbgħa, jiġifieri l-Professur Antoine Agius, Chev. John Mary Spiteri, u s-Sinjuri Carmelo Spiteri u Salvu Debono ltaqgħu għal darba tnejn mal-kumitat ta' dal-Club u intlaħaq ftehim. Din l-aħbar il-parruċċani tan-naħa ta' fuq tal-parroċċa laqgħuha b'entużjażmu li ma bħalu.

Ta' min jgħid li għalkemm il-kumitat tal-Qormi Rockers kien jeżisti, il-Club li kien jinsab fl-akwata ta' ħdejn il-Vitorja ma kienx jiffunzjona u b'xorti tajba dak iż-żmien kien ukoll magħluq. Il-fundaturi ma setgħux jagħmlu għażla aħjar min din.

L-għajta ta' banda ġdida nfirxet sewwa u l-parruċċani ta' ħdejn il-Vitorja ferħu aktar għaliex fl-aħħar xewqithom kienet se seħħ.

Hawn tajjeb li nsemmu li f'l-1947 xi nies min din l-akwata kienu għamlu bukkett fjuri quddiem l-istatwa ta' San Ġorġ Martri fil-knisja parrokjali fl-okkażjoni tal-festa u fuqu kitbu il-kliem “L-Għaqda l-Minsija” għax kienu jħossu li l-festa f'din il-parti ta' fuq tar-raħal kienet nieqsa.

Issa l-fundaturi flimkien mal-mexxejja tal-“Qormi Rockers F.C.” u xi voluntiera oħra ltaqgħu flimkien biex jiffurmaw kumitat proviżorju. U bl-approvazzjoni tal-istess membri tal-“Qormi Rockers F.C.”, li kienu Chev George Portelli u Sinjuri Paul Apap, Vince Mifsud, u Carmelo Mallia, inħatar dal-kumitat li beda jaħdem bla telf ta' żmien.

Isem lill-Banda

Il-fundaturi riedu jagħtu isem lill-din il-Banda u bla dubju f'moħħom kellhom ir-rabta mal-Qaddis Patrun. Kien proprju l-isem ta' ANICI li hu kunjom San Ġorġ Martri. Dan għamluh biex jixhed ir-rabta sħiħa tal-Għaqda mal-Qaddis Patrun li tant ħabbew.

Din l-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici twaqqfet l-ewwel nett b'imħabba kbira lejn San Ġorġ Martri u lejn belt twelidha u t-tieni nett lejn it-tixried tal-kultura mużikali u l-festa. Dawn kienu l-iskopijiet ewliena.

Sa dan it-tant wieħed mill-fundaturi, jiġifieri Chev John M. Spiteri, beda jaħdem fuq id-disinn tal-arma tal-banda, lestieh u ġie approvat. B'hekk issa l-Għaqda kellha wkoll l-arma uffiċjali tagħha.

Il-fundaturi ħasbu wkoll biex jaħtru l-ewwel Surmast Direttur u l-għażla waqgħet fuq is-Surmast Frank Galea F.L.C.M. li dam imexxi l-banda sal-ewwel deċennju tagħha fl-1998, iżda ħasbu wkoll biex jgħamlu Standard għall-Banda. Fil-fatt sar wieħed bl-istrixxi bojod u suwed b'Salib imdawwar b'randa u Stilla bir-raġġi fuq is-Salib. Din hija proprju l-arma tal-kunjom Anici u dan inħadem f'Ħad Dingli mis-Sinjura Mary Grech. Dan kien l-ewwel standard tal-banda li għadu jiġi armat fis-sala Carmelo Spiteri. Barra dan kien sar ieħor kif se nuru aktar ‘il quddiem. Bħala strumenti, il-banda kien ġa kella s-sett tal-perkusjoni jiġifieri: katuba, platti u tamburlin.

Il-Kumitat proviżorju  kien qiegħed jirsisti biex l-isem tal-Club jinbidel minn “Qormi Rockers F.C.”, għal "Anici Band & Social Club” u dan wasal ukoll. Il-Każin kien jinsab fi Trejqa Pintu Nru 2; illum l-isem tat-triq sar Triq Dun Gwakkin Schembri, saċerdot mill-parroċċa, studjuż bibliku u teologu li tant kien maħbub min-nies u li ħalla din id-dinja l-Erbgħa l-1 ta' Novembru 2006.

Il-Kumitat beda jirsisti biex il-Banda ssemma' leħinha u xxerred isimha u dan ma damx ma ta l-frott tiegħu. F' Diċembru 1987 ġiet mistiedna mill-Kumitat Festi Nazzjonali biex il-Banda Anici tieħu sehem fil-festa ta' Jum ir-Repubblika ta' Malta. Stedina li ntlaqgħet bil-ferħ. Mhux biss, imma billi f'din l-istess okkażżjoni ġiet mistiedna wkoll il-Banda Nazzjonali La Vallette biex flimkien mal-Banda Anici tagħmel marċ minn ħdejn il-Palazz tal-Prezident sa Bieb il-Belt, din l-istedina d-diriġenti tal-Għaqda laqgħuha b'entużjażmu kbir. Dan juri li l-Banda tagħna kienet se tibda bil-kbir, billi kienet se tieħu sehem ma' banda hekk prestiġjuża u fil-Jum Nazjonali. Unur kbir.

Issa ma ninsewx li dan sar bil-ħidma ħabrieka taż-żewġ deputati tal-Banda, jiġifieri s-Sinjuri Joseph Spiteri u Victor Ciangura flimkien mal-Kav. John Mary Spiteri.

Tkomplew jinxtraw aktar strumenti u oħrajn ġew irregalati, u għalhekk fl-ewwel ftit xhur mit-twelid tagħha din il-Banda kellha xejn inqas minn tnejn u tletin strument mużikali. Beda wkoll it-tagħlim tal-mużika u għalhekk dawn l-instrumenti kienu kollha qed jintużaw mill-istudenti li kienu qegħdin jitagħllmu.

Il-Banda fil-Karnival

Sadanittant reġgħet daħlet stedina oħra mill-Kumitat Festi Nazzjonali biex il-Banda Anici tieħu sehem fil-festa tal-Karnival ta' Malta li f'din is-sena kien reġa' beda jsir fi' Frar. Il-Banda aċċettat din l-istedina u bil-ħidma tal-Kav. John Mary Spiteri li hu d-Direttur Ġenerali u bl-għajnuna tas-Sur Alfred Mangion, Membru Onorarju tal-Għaqda, sar il-kostum u l-karru bit-tema: “L-ewwel Pinta Għolja” li mmarċja wara l-Banda. Minn hawn, malajr wieħed jinduna x' ħeġġa kbira kellha din l-Għaqda, ħeġġa li għadha qawwija.

F' dan il-Karnival li sar bejn il-Ġimgħa 12 u t- Tlieta 16 ta' Frar 1988, il-Banda kienet daqqet erba' darbiet u kisbet it-Tielet Premju fit-tliet kategoriji li huma: il-Banda, il-Karru u Allegrija li din ta' l-aħħar saret miż-żgħażagħ tal-istess Għaqda.

Il-Ftuħ Uffiċjali tal-Każin

Fl-aħħar, il-jum mistenni wasal!

Kien is-Sibt 23 ta' April 1988, Jum il-Festa liturġika ta' San Ġorġ Martri meta l-qlub ferħana tal-Qriema Ġorġjani ħarġu mat-toroq ta' Ħal Qormi. Dawn iltaqgħu fuq iz-zuntier tal-knisja parrokkjali sabiex hemm kienu xhieda u raw il-Banda Anici, issa magħrufa bħala “Tal-Istilla”, iddoq għall-ewwel darba f'Ħal Qormi.

Il-marċ beda għall ħabta tas-7.30 ta' filgħxija wara l-funzjoni tal-knisja u wara rħiela lejn il-każin bil-poplu Ġorġjan imdawwar mal-Banda.

Quddiem il-Każin kien hemm folla kbira ta' nies sabiex jassistu għall-ftuħ uffiċjali tal-każin il-ġdid. Il-ferħ tal-poplu Qormi kompla jikber hekk kif wasal l-Aġent President tar-Repubblika ta' Malta, l-Eċċellenza Tiegħu s-Sur Pawlu Xuereb. Mal-wasla tiegħu l-banda daqqet l-Innu Malti u sar diskors tal-okkażżjoni mill-President tal-Għaqda l-Professur Antoine Agius; warajh l-Aġent President tar-Repubblika għamel il-kelmtejn tiegħu.

Issa kien wasal il-ħin biex l-Aġent President jinawgura uffiċjalment il-każin u jikxef l-irħama kommemorattiva. Dan sar b'applaws kbir mil-folla preżenti. Is-Sinjura Xuereb, mart l-Aġent President, ukoll onoratna bil-preżenza tagħha.

It-tberik kien sar mill-Wisq Maħbub Arċipriet tal-parroċċa ta' San Ġorġ Martri, il-Kanonku Dun Karm Aquilina Lic. D. u ndaqq l-Innu tal-Banda.

Għal din iċ-ċerimonja kien preżenti wkoll il-Kappillan tal-parroċċa ta' San Sebastjan, il-Wisq Rev. Dun Vinċenz Deguara, il-Viċi tal-Parroċċa ta' San Ġorġ Martri, il-Wisq Rev. Dun Lawrenz Zammit u xi saċerdoti tal-parroċċa.

  Għal din l-okkażjoni wkoll kienu mistiedna l-Ministri, is-Segretarji Parlamentari u d-deputati tas-sitt distrett miż-żewġ naħat tal-Kamra. Kienu mistiedna wkoll iż-żewġ baned l-oħra ta' Ħal Qormi, dik ta' "San Ġorġ Martri", u l-"Banda Pinto", li laqgħat l-istedina u kienet irrappreżentata mill-President, is-Sur Sebastian Debono u mis-Segretarju, is-sur Vincent Peresso. Dawn ukoll offrew rigal ta' tifkira f'isem il-Banda Pinto.

  Flimkien mal-Poplu Qormi kienu mistiedna wkoll l-Għaqdiet kollha tal-Belt Pinto u soċjetajiet mużikali oħra f'Malta. Kien jum tassew memorabbli u l-poplu Qormi ta' rieda tajba naqqax din id-data f'qalbu b'ittri tad-Deheb.

Kienet saret ukoll ġimgħa ta' attivitajiet fil-Każin. Dawn kienu kompetizzjoni tal-biljard u tad-darts. Il-finalisti rebbieħa kienu ngħataw il-premju mill-Prof. Antoine Agius li f'din l-istess lejla ta' premjazzjoni rregala ‘l-“Qormi Football Club” sett flokkijiet u oġġetti oħra, b'konnessjoni mal-futbol. Dawn imbagħad offrew rigal reċiproku lill-Għaqda.

Fil-każin ukoll kien sar diskow għaż-żgħażagħ, laqgħa għas-Soċi mid-Direttur Spiritwali tal-Għaqda, l-Arċipriet il-Kanonku Dun Karm Aquilina Lic. D. Saret ukoll logħba futbol fil-grawnd ta' Ħal-Qormi, bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani tal-Ex Qormi Rockers F.C.

Festa San Ġorġ Martri 1988

Il-Banda għamlet l-ewwel dehra tagħha fil-festa ta' San Ġorġ Martri meta daqqet fl-aħħar Jum ta' Tridu nhar il-Ġimgħa 24 ta' Ġunju, 1988, u nhar il-festa, il-Ħadd filgħodu, 26 ta' Ġunju 1988, fejn għamlet marċi brijużi mat-toroq tal-parroċċa. Minkejja li kienet ilha biss ftit xhur imwaqfa xorta waħda ppublikat għall-okkażżjoni ktieb b'sitta u tletin paġna li baqa joħroġ u jikber. Id-diriġenti kienu għamlu dan biex juru lis-soċi u ‘l-ammiraturi x'kienu ħejjew għall festa. Il-Bord Editorjali għal dan kien kompost mill-Professur Antoine Agius, President ta' l-Għaqda, mill-Kav. John Mary Spiteri, Direttur Ġenerali u minn Dr Carmel Bianchi, President Onorarju li kien inħatar bħala editur.

L-Innu tal-Banda

Meta l-fundaturi ħasbu biex iwaqqfu l-Banda, ħasbu wkoll biex ikollha innu uffiċjali. Għax ħassew li din il-Banda m'għandu jkollha xejn inqas minn dik ta' soċjetajiet oħra. Għalhekk ġie nkarigat is-Surmast Direttur Frank Galea F.L.C.M. biex jikkomponi l-mużika u lill-Qormi Dr Carmel Bianchi, President Onorarju tal-Għaqda biex jikteb il-versi, liema versi tlestew nhar l-Erbgħa 7 ta' Ottubru 1987. Kemm il-versi u kif ukoll il-mużika kienu approvati.

Dan l-innu tal-Banda, kif ġa qrajtu, indaqq għall-ewwel darba s-Sibt 23 ta' April 1988 nhar il-festa liturġika ta' San Ġorġ Martri u fil-ftuħ uffiċjali tal-Każin. Dr Carmel Bianchi kien stampa dan l-innu fuq diploma u poggieh fi kwadru u mbagħad ippreżentah lill-President tas-Soċjeta' l-Prof. Antoine Agius waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-każin.

L-Ewwel Kumitat

Kien il-Ħadd 22 ta' Mejju 1988 meta saret l-ewwel seduta ġenerali li fiha kien approvat l-istatut tal-Għaqda, u kienu wkoll approvati l-karigi fl-amministrazzjoni. Dawn huma: Prof. Antoine Agius LL.D., Ph. D. (C.P.U. California) Kt. A.S.G.M. (President), is-Sur Vincent Mifsud (Viċi President), is-Sur Carmelo Spiteri (Segretarju), is-Sur Pawl Apap (Viċi Segretarju), Kav. George Portelli K.T.L. (Kaxxier), is-Sur Charles Micallef (Viċi Kaxxier), Kav. John Mary Spiteri K.T.L. (Direttur Ġenerali), is-Sur Charles Zammit (Viċi Direttur), is-Sinjuri Salvu Debono u Carmelo Mallia (Membri), is-Sinjuri Joe Spiteri u Victor Ciangura (Deputati tal-Banda), il-Wisq Rev. Arċipriet Kan. Dun Karm Aquilina Lic. D. (Direttur Spiritwali), Mro Frank Galea, F.L.C.M. (Surmast Direttur), is-Sur Kenneth Frendo (Assistent Surmast) u Kav. Paul Saliba P.L. (Legal Advisor).

 L-Ewwel Bandisti

Mal-ftuħ tal-Każin, ingħaqdu minnufih l-ewwel seba' bandisti li flimkien mas-Sur Carmelo Spiteri li kien l-ewwel bandist iffurmaw l-ewwel bandisti tal-banda. Dawn kienu s-Sinjuri Joe u George Spiteri, Charles Calleja, Alfred Mallia, George Agius, Victor Ciangura u Raymond Debono. Aktar tard komplew jingħaqdu magħhom is-Sinjuri Angelo Caruana u Emanuel Beżżina.

Sadanittant l-għalliema tal-allievi, bil-ħila u l-kapaċità tagħhom, fl-1989 irnexxielhom joħorġu l-ewwel ħdax-il bandist, prodott tal-Għaqda. Wieħed minnhom hu Godwin Pace, li kien ġa mħarreġ sewwa tant li kien ukoll siefer u daqq mal-Banda fil-Libja kif se taqraw aktar ‘il-quddiem.

  L-Ewwel Fażi tal-Bini Ta' Każin Ġdid

Sadanittant il-kumitat kien diġà qed iħoss il-ħtieġa li jibdel il-każin minn wieħed qadim mhux addattat għal skop mużikali għal wieħed ġdid u bl-aktar kumdità possibli. Kulħadd qabel ma' din l-idea għax kulħadd kien qed iħoss li l-Għaqda aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar se tikber. Għalhekk kien jinħtieġ li jkun hemm bini xieraq.

L-ewwel ġebel qadim beda jinħatt minn dawn it-tliet persuni: is-Sinjuri Alfred Borg, Frans Saliba, membri fl-Għaqda, John Borg membru onorarju, flimkien mal-Kav. John Mary Spiteri, Direttur Ġenerali. Dawn bdew iħottu u jibnu skond il-pjanta li kien diġà ħejja l-kumitat. Għal din il-pjanta ta l-għajnuna tiegħu l-Qormi s-Sur Joseph Attard, Draghtsman, li ħadimha skont ix-xewqa tal-Kumitat. Iż-żgħażagħ li kienu jiffrekwentaw il-każin kif raw il-bidu ta' dan ix-xogħol irħewlha jagħtu daqqa t'id fil-ħatt u l-ġarr tal-materjal ħażin.

  L-iskop tal-kumitat kien li, biex il-każin jibqa' jiffunzzjona minħabba l-bini, l-ewwel jibni l-parti ta' ġewwa tas-sular t'isfel u mbagħad, wara li jkun hemm meżżi finanzjarji biżżejjed, jinbena fuq barra flimkien mat-tieni sular. B'hekk is-soċi setgħu jibqgħu jiffrekwentaw il-każin regolarment.

Il-bini tal-ewwel fażi tlesta u wara l-kumitat beda jħejji ruħu ħalli jiġbor il-fondi biex meta jkun il-waqt titkompla t-tieni fażi. Il-kuntrattur li ntgħażel biex jibni l-każin kien is-Sur Spiru Seguna li kemm hu kif ukoll il-ħaddiema tiegħu kienu kollha Qriema u membri fl-Għaqda.

IL-Banda fil-Festi fi Bliet u Rħula

Wara biss ftit xhur mit-twaqqif tal-Għaqda, il-Banda kellha żewġ stediniet oħra biex iddoqq fil-festi barra r-Raħal. Dawn kienu nhar l-Erbgħa 10 ta' Awwissu 1988 fl-okkażjoni tal-festa ta' San Lawrenz fil-Birgu. L-oħra kienet dik ta' nhar il-Ħamis 25 ta' Awwissu 1988 fl-okkażjoni tal-festa ta' Marija Reġina, fil-Parroċċa tal-Marsa. Dawn kienu l-ewwel stediniet tal-Banda f'festi ċċelebrati fi bliet u rħula barra Ħal Qormi. Dawn baqgħu jiżdidu kull sena u fi ftit tas-snin il-Banda Anici kienet tkun magħżula għall ħafna festi oħra. Dan jurina kemm il-Banda kienet stabbilita malajr.

 IL-Banda Ddoqq Barra x-Xtut Maltin

Il-kumitat ħaseb li se jieħu ftit tal-mistrieħ, imma mhux hekk kien! Għax l-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici kellha stedina mis-Segretarju Parlamentari, l-Onorevoli John Dalli bil-kolloborazzjoni tal-Ambaxxata Libjana biex tmur iddoqq il-Libja. Proprju din l-istedina kienet saret lit-tliet Baned Qriema. Kienu l-Banda Anici u l-Banda Pinto li laqgħu din l-istedina li tant kienet se tagħmlilhom unur.

Din l-istedina kienet sabiex jieħdu sehem fil-festi tal-Jum Nazzjonali Libjan. Il-ġurnata waslet u ż-żewġ baned telqu flimkien għall-ħabta tal-11.30 ta' filgħodu tal-Erbgħa 31 ta' Awwissu 1988 u waslu l-Libja għall-ħabta ta' nofsinhar. Dakinhar stess, nhar l-1 ta' Settembru 1988 li hu l-Jum Nazzjonali tal-Libja, il-baned daqqew il-marċi tagħhom mat-toroq ta' Tripli.

Din il-mawra kienet fuq ħamest ijiem u l-baned mhux biss daqqew mat-toroq ta' Tripli iżda wkoll f'Misurata. Il-qofol tas-servizz tal-ewwel ta' Settembru ntlaħaq fil-Pjazza l-Ħadra fejn saħansitra kien hemm l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż. F'din il-pjazza hemm xbieha ta' San Ġorġ Martri fuq iż-żiemel, skolpita ma' wieħed mis-swar li jdawwar din il-pjazza.

  B'din il-mawra, il-Banda Anici kienet l-ewwel banda fil-parroċċa ta' San Ġorġ Martri li daqqet barra x-xtut tal-Gżejjer Maltin.

Ta' min iżid li dawn l-attivitajiet kollha saru f'anqas minn sena mill-ftuħ uffiċjali tagħha.

Il-Marċ: “DEMM ĠORĠJAN”

Bla dubju ta' xejn wieħed mill-isbaħ marċi li hemm fl-arkivji tal-Għaqda hu l-Marċ “Demm Ġorġjan”. Dan huwa xogħol il-kompożitur Għawdxi Mro Sunny Galea. Dan kien irregalat lil-Għaqda mal-ftuħ tagħha mill-Kav. John Mary Spiteri, wieħed mill-fundaturi u d-Direttur Ġenerali tal-Għaqda wara li s-Sibt 30 ta' Awwissu 1986, il-kompożitur kien irregalah lilu.

  Fl-1989 Dr Carmel Bianchi kien inkarigat mill-kumitat biex jikteb il-versi għal dan il-marċ li ndaqq għall-ewwel darba s-Sibt 23 ta' April 1988.

Dan il-marċ flimkien mal-Valzi tal-Għid il-Kbir, mal-Innu tal-Banda u l-kantata l-‘Apotesi ta' San Ġorġ Martri' jew kif qed jissejjaħ ‘L-Innu il-Kbir' huma mniżżlin fi skrizzjoni notarili u fl-istatut tal-Għaqda bħala kompożizzjonijiet uffiċjali tagħha.

Il-Banda għall-Ewwel Darba fil-Ġimgħa l-Kbira

Ħaġa li l-Poplu Qormi għandu għal qalbu hija bla dubju ta' xejn il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.

Id-dirigenti tal-‘Anici' ħasbu biex jiftiehmu mal-awtoritajiet tal-Knisja biex jinħareġ digriet li permezz tiegħu l-Banda Anici bħala banda tal-Parroċċa jkollha d-dritt hija wkoll li tieħu sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.

Fil-fatt dan seħħ nhar il-Ġimgħa l-Kbira tal-24 ta' Marzu 1989 meta l-banda daqqet għall-ewwel darba quddiem il-vara artistika ta' Ġesù fl-Ort, proprju wara l-vara tal-Aħħar Ċena. Il-Banda kellha dehra mill-aqwa li għaxxqet lil kull min kien preżenti u hekk baqgħet tagħmel kull sena. Hawn il-banda daqqet diversi Marċi Funebri mir-repertorju li kien ġa kellha.

Wieħed jista' jinduna illi hawn il-Banda Anici kienet proprju fl-ewwel sena tagħha billi l-ftuħ uffiċjali tagħha sar ftit tal-ġranet wara li għaddiet il-Ġimgħa l-Kbira tal-1988.

Assistant Surmast u Għalliem tal-Allievi

Fil-bidu net kien inħatar bħala Assistent Surmast Kenneth Frendo, li minħabba ċirkustanzi li ma kellux kontroll fuqhom kellu jħalli l-kariga wara biss ftit xhur. Din ġiet okkupata mis-Surmast Andrew Calleja li wkoll ħa l-inkarigu bħala għalliem tal-allievi tal-istrumenti tar-ram. Dan kien fl-1989.

Għall-bidu kien hemm is-Sur George Agius biex jgħallem lill-allievi fejn jidħlu l-istrumenti tal-qasba. Iżda dan kellu jħalli l-kariga. Floku ġie maħtur is-Surmast Vincent Bonnici. Dan kien ukoll fl-1989.

Sadanittant il-kumitat baqa' jagħti importanza lill-Banda. F'Ġunju tal-istess sena, jiġifieri tal-1989, il-Banda fil-festa titulari daqqet erba' darbiet. Dawn kienu fid-dati ta' bejn l-20 u l-25 ta' Ġunju 1989.

Kungress Nazzjonali

Jum memorabbli ieħor fl-istorja ta l-Għaqda kien meta l-Banda Anici rrapreżentat lil Ħal Qormi fis-56 Kungress Nazzjonali tax-Xirka tal-Isem Imqaddes t' Alla, li kien sar Ħal Qormi nhar it-13 ta' Mejju 1989. F'dan il-jum, il-Knisja Mqaddsa kienet qed tiffesteġġja Jum il-Pentekoste. Il-Banda kienet daqqet Innijiet Sagri tul it-triq kollha mill-Parroċċa ta' San Sebastjan sal-Pjazza ta' San Franġisk fil-Parroċċa ta' San Ġorġ Martri fejn kien hemm velja ta' talb u kant. Għal din l-okkażjoni ukoll kien attenda l-Vigarju Ġenerali Monsinjur Annetto Depasquale.

L-Ewwel Funeral Organiżżat mill-Għaqda, Imut Carmelo Spiteri, wieħed mill-erba' Fundaturi, l-ewwel Segretarju u l-ewwel Bandist

Kien nhar it-Tlieta 30 ta' April 1991 meta għall ħabta tal-5.15 ta' filgħaxija ġriet l-aħbar tal-mewt tas-Sur Carmelo Spiteri. B'hekk l-Għaqda tilfet l-ewwel bandist li kien ukoll l-ewwel Segretarju u wieħed mill-fundaturi. L-Għaqda għamlet luttu kbir, sakemm nhar is-Sibt 4 ta' Mejju 1991 organizzat korteo minn quddiem il-Każin sal-Knisja Arċipretali u Matriċi ta' San Ġorġ Martri f'Ħal Qormi.  Fil-korteo funebri, daqqet il-Banda Anici u ħadu sehem ukoll rappreżentanti mill-fergħat kollha tal-Għaqda. Iż-żewġ baned tal-Belt Pinto wkoll kienu preżenti bid-Diriġenti tagħhom. Kienu preżenti wkoll numru kbir ta' għaqdiet mużikali, minn Malta kif ukoll minn Għawdex. Ħadu sehem ukoll għaqdiet oħra tal-Parroċċa. Grupp mill-Forzi Armati ta' Malta li tagħhom is-Sur Spiteri kien membru mxew ukoll fil-korteo. Wara l-quddiesa l-Banda Anici kompliet il-korteo saċ-Ċimiterju tal-Parroċċa. Mad-difna s-suldati tal-Forzi Armati sparaw wieħed u għoxrin tir, u s-Surġent Raymond Cremona daqq il-last post.

Imut Fundatur ieħor Salvu Debono

Nhar il-Ħadd 24 ta' Marzu 2002 ġriet l-aħbar tal-mewt tas-Sur Salvu Debono, ieħor mil-fundaturi tal-Għaqda. Il-Funeral tiegħu kien sar nhar l-Erbgħa tat-Tniebri 27 ta' Marzu 2002. Il-Banda Anici akkumpanjat il-Korteo mill-knisja parrokkjali saċ-Ċimiterju tal-Parroċċa. Għall-Korteo attendew ukoll rapreżentanti mill-fergħat tal-Għaqda u mill-għaqdiet mużikali oħra f'Ħal Qormi. Interressanti li wieħed isemmi li dik is-sena l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira ma kinitx ħarġet minħabba l-maltemp.

Sehem il-Banda fit-Tberik tas-Sandli tad-Deheb lill-Istatwa Titulari ta' San Ġorġ Martri.

Is-Sibt 22 ta' Ġunju 1991 il-Banda Anici daqqet fl-inawgurazzjoni tas-sandli tad-deheb f'riġlejn l-istatwa titulari ta' San Ġorġ Martri. Il-Banda għamlet marċ mat-toroq li spiċċa quddiem il-Knisja Parrokkjali. Dan is-sandli tad-deheb sar bl-inizjattiva tal-Kumitat Festi Esterni fl-okkażjoni tal-250 sena mill-miġja ta' l-istatwa titulari fost il-Qormin.

L-ewwel Programm Vokali u Strumentali tas-Soċjetà

L-ewwel programm vokali u strumentali li għamlet il-Banda Anici kien sar quddiem il-Każin fl-okkażjoni tal-250 sena mill-miġja tal-istatwa titulari fost il-Qriema, u kien sar nhar il-Ħadd 23 ta' Ġunju 1991. Hawn il-Banda Anici kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur tagħha Frank Galea.

Qabel tat bidu għal dan il-programm saret waqfa qasira ta' minuta silenzju biex tat ġieh u sellmet lis-Sur Carmelo Spiteri, li kien miet nhar it-30 ta' April, 1991. Is-Sur Spiteri kien wieħed mill-Fundaturi tal-Għaqda, l-ewwel Bandist u l-ewwel segretarju.

L-ewwel kompożizzjoni li nstemgħet kienet “Romanze”li ħarget mill-pinna tal-kompożitur magħruf Ġermaniż Ludwig Van Beethoven (1770-1827). It-tieni kompożizzjoni kienet is-sinfonija “Nabucco” tal-kompożitur ċelebri Taljan Giuseppe Verdi (1813-1901).Wara, il-Banda kompliet b'xogħol mużikali ieħor, din id-darba tal-kompożitur Ġermaniż George Frederik Handel(1685-1759) fejn smajna “Halleluja” b'arranġament mużikali tas-Surmast Direttur Frank Galea.

Il-qofol ta' dal-programm kien il-Kantata “L-apoteosi ta' San Ġorġ MegaloMartri” li ġie imżanżan dak in-nhar. Il-versi ta' dan l-innu ħarġu mill-qalb tal-Qormi Dr Karmenu Mallia, membru onorarju, fuq kompożizzjoni tas-Surmast Direttur tal-Banda Frank Galea. Hawn ħadu sehem ukoll il-kor “Ite as Joseph” tal-parroċċa ta' San Ġuzepp Ħaddiem ta' B' Kara taħt id-direzzjoni tal-Avukat Godwin Grima; hawn ħadu sehem ukoll it-Tenur Brian Cefai, il-Baxx Anthony Montebello u s-Sopran Joan Cassar.

Dan l-Innu ntlaqa' b'aplaws kbir; kien Innu li vera jixraq lill San Ġorġ Martri kif ukoll lill-Banda tagħna. Wara dan l-Innu, reġgħet saret waqfa qasira, biex ammiraturi tal-Banda Anici offrew rigali lill-Għaqda.

Wara l-għotjiet tar-rigali, Dr Carmel Bianchi qara poeżija li kiteb hu stess bl-isem “Rigal Xieraq lil San Ġorġ Martri – b'tifkira tal-istess okkażjoni.” U kien xieraq li dal-programm jintemm b'tislima lil-Banda Anici billi ndaqq l-Innu tal-Banda, mużika tas-Surmast Direttur Frank Galea fuq versi ta' Dr Carmel Bianchi li ukoll ippreżenta l-programm.

Kien programm li mhux biss paxxa lil dawk preżenti, imma wkoll kien hemm min baqa' mistagħġeb kif Għaqda li kienet għadha kif twieldet kellha l-ħila tippreżenta programm b'sengħa, dehen u kapaċita hekk kbira.

Il-Banda Anici f'Għawdex

Il-Banda kompliet tilqa' diversi stedin biex iddoqq barra l-Belt Pinto. Nista' ngħid li kellha xejn inqas minnseba' stediniet minn diversi parroċċi.

Fil-parroċċa ta' Ħal Qormi kellha xejn anqas minn disgħa oħra. Din l-istedina kienet ġejja mis-Soċjetà Filarmonika La Stella tal-Belt Victoria, Għawdex.

Waħda mill-aktar festi popolari fil-gżira sabiħa tat-Tliet Għoljiet bla dubju hi dik ta' San Ġorġ Martri ċċelebrata fil-Belt Victoria, Għawdex.

L-Għaqda tagħna ħadet sehem għall-ewwel darba fil-festa ta' San Ġorġ Martri tal-Belt Victoria, Għawdex, nhar il-Ġimgħa 19 ta' Lulju 1991. Il-Banda Anici għamlet marċ brijuż, alternata mill-Banda La Stella, fid-dimostrazzjoni bl-istatwa ta' San Ġorġ Martri.

Minn dakinhar ‘l hawn, il-Banda Anici baqgħet tagħti s-servizz tagħha f'din il-festa popolari Għawdxija billi mis-sena 1992 bdiet tagħmel il-marċ ta' jum il-festa filgħodu fit-Tielet Ħadd ta' Lulju.

It-tieni Fazi tal-Bini tal-Każin

 Kien proprju fis-seduta ġenerali straordinarja tat-8 ta' Settembru 1991 li l-kumitat ħabbar li kellha tinbeda t-tieni fażi tal-bini tal-każin. Dan kien jikkonsisti fil-bini tal-pjan terran fuq barra u t-tieni sular. Naturalment il-faċċata mibnija fuq il-fil. Din l-aħbar intlaqgħet b' ferħ u ċapċip kbir u ġiet approvata. Ġie mħabbar ukoll li l-każin kien se jitkompla skond il-pjanta mingħajr tibdil. Id-disinn tal-faċċata tal-każin sar ukoll bla ħlas mill Qormi s-Sur Joseph Attard.

Għal dan l-iskop kien ġie propost u mbagħad deċiż unanimament li ssir ġabra permezz tal-envelopsijiet li jitqassmu fid-djar tal-parroċċa. Dan sar għax l-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici hija Qormija u msemmija għall-istess Patrun San Ġorġ Martri, u d-diriġenti dejjem ħasbu li l-banda tagħti s-sehem kollu tagħha f'dak kollu li għandu x'jaqsam mal-parroċċa u ma' Ħal Qormi.

Il-bini kien deċiż li jitkompla mill-kuntrattur is-Sur Spiru Seguna u kien beda u mexa ġmielu. Il-frontispizju li kien maħdum mis-Sur Charles Mallia soċju kien tqiegħed volontarjament fl-1993 mill-membri tal-Għaqda s-sinjuri Alfred Borg , France Saliba u mid-Direttur Ġenerali l-Kav. John Mary Spiteri. Min-naħa l-oħra s-Sur Ninu Ciappara lesta x-xogħol kollu tal-lavur li nsibu fil-faċċata tal-każin. Però l-lavur tal-gallarija nħadem mis-Sur Charles Mallia.

Sezzjoni Żgħażagħ Stillieri

Tajjeb li nsemmi ukoll li fl-1988, jiġifieri mill-bidunett, twaqqfet is-sezzjoni ‘Żgħażagħ Stillieri', l-ewwel sezzjoni taż-żgħażagħ fi ħdan l-Għaqda u f'Ħal Qormi. Il-Kav. John Mary Spiteri wieħed mill-fundaturi u Direttur Ġenerali tal-Għaqda kien maħtur l-ewwel Chairman ta' din is-sezzjoni.

Il-Kumitat qatt ma ħares lura u baqa' jaħseb biex iwaqqaf aktar fergħat fi ħdan is-Soċjetà biex jgħinu f'oqsma differenti, u kien ħaseb ukoll biex jaħtar sotto-kumitat għall-attivitajiet filantropiċi li sfortunatament ma tantx dam jiffunzjona.

Sezzjoni Sports

Fl-1990 kienet inwaqqfa wkoll is-Sezzjoni Sports li permezz tat-team għall-American Pool kienet bdiet bil-kbir. Dat-team kien rebaħ l-kampjonat ta' Billy Apap u b'hekk kien sar iċ-‘Champion' tal-1989/90.

Din is-Sezzjoni qatt ma ħarset lura u matul is-snin ġabet diversi unuri lejn l-Għaqda, fosthom, għal sentejn konsekuttivi, kienu ‘Champions' nazzjonali tal-American Pool u anke Knockouts u Super Cap Organiżżati mill-Malta Pool Association. Minħabba diffikultajiet li bħal kull sports ieħor jiltaqa' magħhom ma kienx hemm triq oħra ħlief li fl-1999 dis-sezzjoni kienet xolta.

Però tajjeb ngħidu illi l-attivitajiet sportivi fil-każin baqgħu jsiru xorta u l-Kumitat Amministrattiv iddeċieda li minn fost il-membri fi ħdan l-istess Kumitat jaħtar persuna bħala Delegat Sports tal-Għaqda. Kien inħatar f'din il-kariga l-Kav. Saviour Mifsud u b'hekk dan ħa post is-Sezzjoni Sports.

F'dan il-qasam kien reġa' beda jidher interess kbir. Fil-fatt barra l-attivitajiet sportivi fil-Każin, xorta baqa' ‘time' tal-Pool li ħafna drabi lagħab fil-Premier Division. Mhux l-ewwel darba wkoll ikkompetew b'żewġ timijiet, barra dak tal-Premier u ieħor fit-Tielet Diviżżjoni.

Sezzjoni Soċi Nisa Attivi

Fl-1992 ġiet imwaqqfa wkoll is-sezzjoni ‘Soċi Nisa attivisti'. Dawn minnufih, bħalma kienu għamlu ż-żgħażagħ, bdew ix-xogħol tagħhom li ma damx ma beda jħalli l-frott mixtieq.

Il-‘Banda La Stella' t'Għawdex Mistiedna

Għall-festa ta' San Ġorġ Martri tal-1992, l-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici stiednet ‘il-banda La Stella tar-Rabat Għawdex. L-istedina saret sabiex iż-żewġ baned, Anici u La Stella jagħmlu flimkien il-marċ ta' jum il-festa filgħodu f'Ħal Qormi. L-istedina baqgħet issir sas-sena 1993.

 

Sehem l-Għaqda f'Attivitajiet Oħra

Ta' min isemmi li l-Banda Anici mill-bidu nett ħadet ħsieb li tirrekordja cassettes, u aktar tard ukoll C.D's kemm b' marċi brijużi kif ukoll funebri.

Mill-1991, il-Banda żiedet il-preżenza tagħha fil-festa titulari. B'hekk il-Banda issa qed tieħu sehem fil-festa ta' San Ġorġ Martri, billi ddoqq ħames darbiet.

 Kumitat kompost miż-żewġ parroċċi tal-Belt Pinto, taħt is-sorveljanza tal-Arċipriet u l-Kappillan, kienu ħadu r-responsabilità li jiffurmaw il-Kumitat Jum Ħal Qormi. Hawn kull sena kienet iddoqq banda differenti. Il-Banda Anici kienet daqqet għall-okkażjoni ta' Jum Ħal-Qormi nhar is-Sibt 25 ta' Mejju 1991.

Ta' min iżid li wara l-1994, il-Gvern ta' dak iż-żmien immexxi mill-Partit Nazzjonalista' kien introduċa l-Kunsilli Lokali. Għalhekk meta ġie maħtur l-ewwel Kunsill ta' beltna, ir-responsabilità għall-festa ta' Jum Ħal Qormi waqgħet direttament taħt ir-responsabiltà tagħhom.

Dawn minnufih urew ix-xewqa li jgħaqqdu t-tliet baned flimkien. Din ix-xewqa ma tantx dehret li ġiet aċċettata, minħabba l-fatt li meta l-Kunsill xtaq jorganiżża marċ mit-tliet baned flimkien fl-okkażjoni tal-festi tal-Milied għal sentejn sħaħ, f1-994 u fl-1995, dan il-marċ sar biss mil-Banda Anici u l-Banda Pinto. Kien jidher ċar li l-Banda San Ġorġ Martri ma riditx tieħu sehem.

Fl-1996 il-Kunsill ma deherx li kien kuntent b'din is-sitwazzjoni. Għalhekk ħass li jibdel l-attività, u flok il-baned idoqqu flimkien, dawn idoqqu separatament. Għall-Banda San Ġorġ Martri din dehret li kienet soluzzjoni aċċettabli. Il-Banda Anici u l-Banda Pinto għall-ġid u l-ġieh ta' belthom aċċettaw din il-proposta wkoll u b'hekk kellhom record li dejjem ikkopperaw għall-interres tal-Belt Pinto.

Kien sar kuntratt bejn il-Kunsill Lokali u t-tliet baned li jkopri medda ta' tliet snin u meta jiskadi jerġa' jsir ieħor. Issa l-attività tal-Milied bdiet issir billi Ħadd qabel il-Milied il-Baned idoqqu f'rotot differenti. Biss fl-aħħar jingħaqdu flimkien quddiem Każin tal-Banda fuq sistema alternata, u s-Surmast li jiddirieġi jkun ta' dik il-Banda li waqfu quddiemha u jiddirieġi tliet għanjiet tal-Milied mat-tliet Baned flimkien,. Fl-ewwel darba li ġiet introdotta din is-sistema kien nhar il-Ħadd 29 ta' Diċembru 1996. Dakinhar kien iddirieġa lit-tliet Baned is-Surmast Direttur tal-Banda Anici, Mro Frank Galea.

Għall-ġieh tal-Istorja tajjeb li nsemmi wkoll li nhar il-Ħadd 26 ta' Mejju 1990 il-Banda Anici kienet daqqet fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi. Dan kien meta l-Papa Ġwanni Pawlu II kien qiegħed iżur Malta u għadda minn din it-triq.

Iċ-Ċentru tas-Saħħa f'Ħal Qormi

Fost l-okkażżjonijiet speċjali li kellha l-Banda fl-1992, kien hemm dik meta daqqet fil-ftuħ taċ-Ċentru tas-Saħħa f'Ħal Qormi. Dan kien il-Ħamis 13 ta' Frar. Il-Banda Anici l-ewwel għamlet marċ mat-toroq Qormin u wara ngħaqdet quddiem iċ-Ċentru tas-Saħħa fejn ingħaqdet maż-żewġ baned l-oħra tal-Belt Pinto biex flimkien daqqew l-Innu Malti.

Ftuħ iċ-Ċentru Parrokkjali.

Okkażżjoni oħra għall-Banda Anici kienet nhar il-25 ta' Novembru 1992 meta daqqet fil-ftuħ taċ-Ċentru Parrokkjali ta' San Ġorġ Martri. Il-Banda bdiet marċ minn fuq iz-zuntier tal-Knisja Arċipretali u Matriċi ta' San Ġorġ Martri saċ-ċentru.
Dakinhar kienu ħadu sehem iż-żewġ baned tal-parroċċa. Dawn kienu daqqew quddiem xulxin marċi fuq sistema alternata.
Dan iċ-Ċentru nfetaħ u tbierek minn Mons. Gużeppi Mercieca Arċisqof ta' Malta, u kien inbena fuq inizzjattiva tal-Arċipriet tal-parroċċa l-Kanonku Carm Aquilina, Lic.D.

Il-Banda Ddoqq Għall-Ewwel Darba fil-Purċissjoni tal-Għid il-Kbir.

Id-diriġenti dejjem ħasbu li xi darba l-Banda Anici għad tieħu l-post li kien għad fadlilha tikseb fil-Purċissjoni tal-Għid il-Kbir. B'hekk tkun laħqet l-għanijiet kollha tagħha.
Kien proprju nhar is-17 ta' Mejju 1993 meta l-Kurja Arċiveskovili ta' Malta ħarġet digriet iffirmat mill-Isqof Awziljarju u Vigarju Ġenerali, il-Monsinjur Annetto Depasquale. Permezz ta' dan id-digriet il-Banda Anici ngħatat id-dritt biex tibda tieħu sehem fil-purċissjoni ta' Kristu Rxoxt.
Fid-digriet kien stipulat ukoll is-sehem tal-Banda Anici fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira quddiem il-vara ta' Kristu fl-Ort u s-sehem tal-Banda fil-purċissjoni ta' Corpus Christi.

L-ewwel dehra tal-banda fil-purċissjoni tal-Irxoxt filgħodu kien nhar l-Għid il-Kbir, il-Ħadd 3 ta' April 1994. Kien tassew jixraq li l-Banda fl-arkivji tagħha jkollha sett valzi ferrieħa. Fuq inizjattiva tal-Kumitat li kien ġa qiegħed jipprepara, fl-1989 kien ġie kkommissjonat is-Surmast Direttur Frank Galea biex jikkomponi dawn il-valzi. Dan kien aċċetta l-istedina u l-għaxar valzi kienu lesti f' Ġunju tal-istess sena.
Dawn l-għaxar valzi kienu ġew sponsorjati u rregalati lill-Għaqda mill-Professur Antoine Agius, li hu wieħed mill-erba' fundaturi u l-ewwel president ta' din l-Għaqda.
Dawn il-valzi għandha d-dritt iddoqqhom il-Banda Anici Biss. Dan sar b'kuntratt bejn l-Għaqda u l-kompożitur.

Il-Kumpanija Teatrali ‘LYDDA'

Inizjattiva oħra kienet dik ta' nhar il-Ħadd 25 ta' April 1993. F' din il-ġurnata, waqt seduta tal-Kumitat, ġiet approvata u mwaqqfa Kumpanija Teatrali tal-Għaqda. Din ingħatat l-isem ‘Lydda', li hu l-post fejn ħa l-martirju San Ġorġ Martri.

L-ewwel rappreżentazzjoni li din il-kumpanja teatrali għamlet kien nhar il-Ġimgħa 28 ta' Mejju 1993. Din kienet serata għas-soċi u saret fuq il-palk tal-Oratorju Festiv Sagra Familja, Ħal Qormi. Kellha diversi rappreżentazzjonijiet oħra, anke barra Ħal Qormi. Din is-Sezzjoni ġiet xolta fis-sena 1999 minħabba diffikultajiet kbar li ltaqgħet magħhom, kif ukoll minħabba li l-post li kellha fejn terfa' l-vestwarju kien ittiħdilha'. Ma kienx hemm triq oħra.

L-Arblu Ġdid Għall-Bandiera tal-Każin

Ebda Għaqda li fuq il-bejt tal-każin tagħha m'hemmx jiddomina arblu. Dan isir biex fil-festi u ġranet oħra mportanti tittella' bandiera tperper ferħana, tħabbar l-okkażjoni li għaliha tkun ġiet imtellgħa. L-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici, xejn anqas minn Għaqdiet oħra, ukoll xtrat arblu. L-arblu fuq il-bejt tal-każin jiddomina l-Belt Pinto ġie jiswa Lm765. Tliet mitt lira minnhom kienu ġew mogħtija b'donazzjoni mis-Sinjuri Slivio u Charlie Debono. Il-kumplament ħarġithom l-Għaqda. Dan l-arblu li jidher sew minn bosta nħawi tqiegħed f'postu nhar il-Ħamis 30 ta' Settembru 1993. Kien maħdum mis-Sur Joseph Schembri miż-Żurrieq.

Nixtieq inżid li s-sezzjoni Soċi Nisa Attivi kienu ta' għajnuna kbira fil-ġbir għall-ispejjeż ta' bnadar kbar li tagħhom l-Għaqda għandha kollezzjoni ġmielha.

L-Aħħar Tislima lil Mons. Ġerald Frendo

Bħala banda Qormija ma naqsitx li tagħti l-aħħar tislima lill-wisq ħabrieki eks Arċipriet u Monsinjur Ġerald Frendo. Kien it-Tnejn 26 ta' Diċembru 1994 meta daqqet noti kiebja b' turija ta' rispett u tislima xierqa billi semmgħet marċi funebri fil-koteo mill-Knisja saċ-ċimiterju tal-parroċċa. Mons . Ġerald Frendo dam Arċipriet tal-parroċċa mis-sena 1955 sas-sena 1978.

Il-Festa ta' Corpus Christi 1993

L-għaqda Soċjo-Mużikali Anici ħadet sehem għall-ewwel darba fil-festa ta' Corpus Christi nhar il-Ħadd 13 ta' Ġunju 1993. Waqt din il-purċissjoni l-banda daqqet għadd ta' innijiet reliġjużi fuq iz-zuntier tal-knisja u tul il-purċissjoni, bir-rappreżentanti tal-kumitat jimxu wara s-sagrament. Il-banda baqgħet tieħu postha wkoll f'din il-Festa.

L-Aħħar Tislima lill-Kanonku Dun Lawrenz Saliba

Nhar il-Ġimgħa 20 ta' Jannar 1995 tħabbret il-mewt tal-President Onorarju tal-Għaqda, il-Kanonku Dun Lawrenz Saliba. L-Għaqda permezz tal-kumitat tagħha tagħtu l-aħħar tislima billi attendiet għall-korteo funebri tiegħu, il-Ħadd 22 ta' Jannar 1995.

Il-Pussess tal-Arċipriet, Il-W.R. Dun Frans Abdilla, S.Th.L.

Is-Sibt 18 ta' Frar 1995 fil-parroċċa sar il-pussess tal-Arċipriet il-ġdid. B'dan il-pussess il-Wisq Rev. Arċipriet Dun Frans Abdilla, S.Th.L. sar ir-ragħaj spiritwali tal-parroċċa ta' San Ġorġ Martri. Il-Banda Anici ħadet sehem u fl-istess ħin tat tislima xierqa wkoll lill-eks Arċipriet, il-Kanonku Dun Karm Aquilina Lic. D.

Il-Puġġaman tat-Taraġ Prinċipali tal-Każin

Nhar it-Tlieta 19 ta' Ġunju 1995 iżżanżan il-puġġaman tat-taraġ prinċipali tal-każin. Ix-xogħol fuq dan il-puġġaman tal-kawba llustrat inħadem mis-Sur George Debono li ffranka xi flus lill-Għaqda fix-xogħol tiegħu. Il-kumitat kompla jsebbaħ dan ix-xogħol billi ordna erbgħin biċċa skultura f'forma ta' stilla biex tpoġġew f'nofs l-arkaturi bejn il-kolonni. Dan ix-xogħol tal-aħħar inħadem mis-Sur Christopher Magro mill-Qrendi u l-lostru sar mingħajr ħlas mis-Sur Mario Grech.

  Programm Vokali u Strumentali

Nhar it-18 ta' Ġunju, 1995 fil-pjazza ta' quddiem il-każin tal-Għaqda, sar programm vokali u strumentali mill-banda. Dan sar biex jiġi mfakkar l-għaxar anniversarju mill l-inawgurazzjoni tal-bradella u l-bankun għall-istatwa titulari ta' San Ġorġ Martri f'Ħal Qormi. Dan il-programm kien sar taħt il-patroċinju tal-President ta' Malta l-E.T. Dr Ugo Mifsud Bonnici.
F'dal-programm indaqqu dawn ix-xogħlijiet mużikali: fl-ewwel parti:
1. ‘Innu Popolari' kompożizzjoni ta' Mro Guzeppi Camilleri b'versi tal-poeta nazzjonali Mons. Dun Karm Psaila;
2. ‘I Martiri' (Preghiera) ta' Mro Carmelo Pace b' arranġament ta' Mro Frank Galea, F.L.C.M. Is-solista kien il-bandist tal-lokal is-Sur Alex Portelli.
3. ‘Fantasia Rapsody' tas-Surmast Direttur Frank Galea, F.L.C.M. bl-istess solista Alex Portelli.
4. ‘Radettzky' (Marċ Militari) ta' Johann Strauss Senior.
5. ‘Jesus Christ Superstar' (Selection) ta' Andrew Lloyd Weber.
6. ‘Air and Variations' tal-Assistant Surmast Chev. Andrew Calleja, A. Mus. V.C.M., K.T.L.
It-tieni Parti
7. 'Aida' (Grand March) tal-kompożitur ċelebri Giuseppe Verdi.
8. U l-aħħar xogħol mużikali f'dal-programm kienet l- ‘Apoteosi ta' San Ġorġ Martri', mużika tas-Surmast Direttur Frank Galea, b'versi ta' Dr Carmel Mallia membru onorarju tal-Għaqda.
9. Il-banda temmet dal-programm b'żewġ innijiet: l-innu tal-banda, mużika tas-Surmast Direttur Frank Galea fuq versi ta' Dr Carmel Bianchi. President Onorarju, u wara l-Innu Malti, mużika ta' Mro Robert Samut, fuq versi tal-poeta nazzjonali Mons. Dun Karm Psaila. Il-programm ippreżentah Dr Carmel Bianchi.
Il-banda kienet tat id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Mro Frank Galea, F.L.C.M.. Flimkien mal-banda ħadu sehem ukoll it-Tenur Brian Cefai, il-Baxx Anthony Montebello u s-Sopran Joan Cassar. Ħa sehem ukoll il-Kor ITE AD JOSEP tal-parroċċa ta' San Ġuzepp Ħaddiem ta' Birkirkara.

Il-Banda Terġa' Ssiefer

Bejn is-17 ta' April u t-3 ta' Mejju 1996, tal-Banda Anici għamlet it-tieni mawra tagħha u din id-darba marret il-Kanada u fl-Istati Uniti.
Kien f'Ġunju tal-1995 meta l-membru onorarju tal-Għaqda fil-Kanada, is-Sur Louis Sammut, kien għal btala f'Malta. Miegħu kien ġab stedina mill-‘Festa San Ġorġ Association' ta' Toronto, biex il-banda titla' tagħti wirja ta' mużika f'Toronto, il-Kanada, kif ukoll f' Detroit, l-Amerika.
Il-kumitat amministrattiv studja l-istedina u ddiskutieha b'reqqa kbira. L-ewwel ħsieb tal-kumitat kien min se jieħu r-responsabbiltà ta' din il-mawra. Bħas-soltu, ir-responsabilità waqgħet fuq id-Direttur Ġenerali l-Kav. John Mary Spiteri. B'ħafna kuraġġ u determinazzjoni dan aċċetta r-responsabbiltà kollha tal-mawra. Quddiem għajnejh kien qed jara biss is-suċċess li kienet se tikseb il-banda. Għax tajjeb li wieħed jgħid li l-Banda Anici kienet l-ewwel banda Qormija li kellha l-unur li daqqet fl-Istati Uniti tal-Amerika. Mhux biss, imma wkoll minn kemm baned Maltin u Għawdxin li qatt telgħu l-Kanada, il-Banda Anici żammet, almenu sal-kitba ta' din l-istorja, ir-rekord għall-akbar kontinġent li qatt tela' s'issa, li kien illaħħaq id-disgħin persuna.

Il-mawra tal-Banda Anici bdiet nhar l-Erbgħa 17 t'April 1996. Kulħadd iltaqa' fl-ajruport internazzjonali ta' Malta flimkien mal-istatwa ta' San Ġorġ Martri, xogħol artistiku tal-Kav. Alfred Camilleri Cauchi u sponsorjata minn membru onorarju ieħor tal-Għaqda li jgħix fl-Amerika, is-Sur George Scicluna. Tajjeb li ngħid li s-Sur Scicluna kien ta għajnuna kbira f'din il-mawra. Il-kontinġent telaq min Malta mal-kumpanija tal-ajru Lufthansa lejn il-belt sabiħa ta' Frankfurt, il-Ġermanja.

Wara waqfa ta' ġurnata fi Frankfurt, il-kontinġent qasam l-Atlantiku biex mar lejn il-Kanada. Hemmhekk il-banda ngħatat merħba kbira mill-Maltin. Issa l-avventura tal-banda kompliet billi esegwiet diversi kunċerti fi Clubs Maltin kif ukoll fil-padiljun tal-Air Malta f'Fiera tat-Turiżmu f'Toronto kif ukoll fi Square One.

Il-banda ħadet sehem fil-festa ta' San Ġorġ Martri f'Toronto. Daqqet ukoll fil-knisja ta' San Pawl u fil-purċissjoni bl-istatwa ta' San Ġorġ Martri li toħroġ mill-istess knisja u mxiet f'Dandas Street, kif ukoll fil-Knisja ta' Santa Tereza, Port Colborne.
Il-Banda marret ukoll Detroit fl-Istatti Uniti fejn daqqet fil-festa ta' San Ġorġ Martri.

Il-Banda ġiet ippreżentata b'diversi tifkiriet, fosthom ukoll standardi tal-Kanada minn San Ġorġ Assocoation u ieħor tal-Amerika mill-Membru Onorarju s-Sur George Scicluna, li sa ftit ġimgħat qabel kien Malta għall-festi tal-Għid. Hu kien irregala standard ieħor lill-Għaqda kif ukoll strument mużikali rregalat mill-Membru Onorarju s-Sur Louis Sammut. Wara li l-Banda temmet din il-mawra dakinhar stess li waslet Malta , filgħaxija għamlet marċ mat-toroq biex qasmet il-ferħ ta' dan is-suċċess li għamlet b'din il-mawra.

Il-Faċċata fuq il-Fil

Nhar it-Tlieta 8 ta' Awwissu 1996 kien inbeda x-xogħol tal-faċċata fuq il-fil. Dan ix-xogħol sar b' għaqal u ħila kbira mill-imgħallem is-Sur Ġorġ Borġ. Bix-xogħol tajjeb li wettaq mhux biss wera l-kapaċità tiegħu f'senegħtu, iżda wkoll wera l-arti sabiħa u ta' ħila kbira tal-Kuntrattur li kien bena l-każin is-Sur Spiru Seguna.

Nhar il-Ġimgħa 29 ta' Settembru 1996 tlesta x-xogħol. Il-kumitat kompla fuq il-pjan li kien ħejja. Dawk iż-żewġ lapidi antiki li kienu waħda fuq kull naħa tal-bieb prinċipali nbidlu u flokhom saru żewġ lapidi tal-granit nero India mnaqqxa b'ittri tad-deheb.
Pariġġ tagħhom, aktar ‘il quddiem, saret iz-zokklatura u t-turġien tul il-faċċata kollha. Dan ix-xogħol sar mid-Ditta Agius Marble Works tal-Imqabba. Mal-bibien twaħħlu ħbabat forma ta' arpa mużikali li komplew jiġbdu l-għajn. Dawn l-arpi saru tal-bronż, xogħol tassew sabiħ li ħadem il-membru onorarju tal-Għaqda s-Sur Alfred Mangion mgħejun mis-Sur Rafel Aquilina. Id-disinn ta' dawn il-ħbabat sar mid-Direttur Ġenerali l-Kav. John Mary Spiteri. Fl-2009 saru wkoll sitt rużuni tal-irħam, tnejn fuq kull bieb li nħadmu mill marmista Ronald Pisani.
Il-faċċata żdidilha wkoll xogħol sabiħ ta' lavur li nħadem mis-Sur Ninu Ciappara.

Qormi Day Centre

Kien il-Ħamis 17 ta' Ottubru 1996 meta l-Banda Anici bħaż-żewġ baned l-oħra tal-Belt Pinto daqqet fl-okkażjoni tal-ftuħ uffiċjali tal-Qormi Day Centre. F'din l-okkażżjoni l-Banda għamlet marċ mat-toroq sad-Day Centre fejn hemm sar il-ftuħ uffiċjali bid-daqq tal-Innu Malti.

‘Lejn il-Golgota'

Il-Ħadd 23 ta' Marzu 1997 kien ukoll Ħadd il-Palm. Il-Banda Anici tellgħet programm mużikali bit-tema ‘Lejn il-Golgota'. Dan il-kunċert kien imtella' mill- Kummissjoni Banda tal-Għaqda. Dan sar fis-sala tal-iskola sekondarja Professur Guzè Galea ta' Ħal Qormi. Dan sar minkejja kull impenn ieħor li għandha il-Banda marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa.
Fl-ewwel parti ta' dan il-kuncert instemgħu dawn ix-xogħlijiet mużikali:
1. ‘Exodus' mill Main Theme ta' Ernest Gold b'arranġament ta' K. Girffin.
2. ‘Silenzio Militare' varjazzioni ta' Giacinto Giociano b'arranġament tas-Surmast Direttur Frank Galea.
3. ‘Ombra Mai Fu' minn ‘Xerxes' ta' George Frederick Handel b'arranġament tas-Surmast Raymond Cremona.
4. ‘In Memoria di Alberto Debono', Marcia Funebre tas-Surmast Emmanuel Bugeja.
5. ‘Panis Angelicus' Hymnus ta' Caesar Frank.
6. ‘In Memoria di Rev. Lorenzo Saliba' Marcia Funebre tas-Surmast Kav. Vincent Bonnici, għalliem tal-istudenti tal-mużika tal-Għaqda.
Fit-tieni parti ta' dan il-programm instemgħu dawn ix-xoghlijiet mużikali:
7. ‘Dirge', Intermezzo tas-Surmast Direttur Frank Galea.
8. ‘Sulla Tomba di Carmelo Azzopardi', Marcia Funebre tal-Assistant Surmast Andrew Calleja.
9. ‘L'Arlesienne Suite', Meditazzione ta' George Bizet b'arranġament tas-Surmast Direttur Frank Galea.
10. ‘In Memory of Carmelo Debono', Marcia Funebre tas-Surmast Direttur Frank Galea.
11. ‘Cavalleria Rusticana' Intermezzo ta' Pietro Mascagni b'arranġament tas-Surmast Vincenzo Ciappara
12. ‘Cipresso', Marcia Funebre ta' A. Melilli.

Id-direzzjoni tal-Banda kienet tas-Surmast Direttur Frank Galea. Dr Carmel Bianchi kien il-preżentatur ta' dan il-kunċert.

In-Niċċa fil-Bitħa tal-Każin

Il-Kumitat amministrattiv baqa' jaħdem bla heda biex ikompli jsebbaħ il-każin. Dan xtaq u hekk sar, billi fil-bitħa għamlu niċċa. Is-soċju s-Sur Spiru Seguna, wara konsultazzjoni mal-kumitat, ħadem bla ħlas din- niċċa. Benefattur ieħor tal-Għaqda s-Sur Ġorġ Borġ għoġbu jagħmel ukoll bla ħlas il-fil ta' din in-niċċa. Warajha tqiegħed ġebel rustiku. B' hekk ingħatat dehra mill-isbaħ.

Sa dan it-tant il-kumitat kien ordna l-istatwa ta' San Ġorġ Martri għand l-istattwarju l-Kav. Alfred Camilleri Cauchi sabiex titpoġġa f'din in-nicca. L-istatwa hija waħda oriġinali fejn San Ġorġ Martri qiegħed liebes ta' suldat Ruman b'id waħda fuq sidru u jżomm Salib u l-id l-oħra jżomm palma u tarka bl-emblema tal-Għaqda u b'riġlejh jgħaffeġ dragun.

 

Iċ-Ċerimonja tal-Kxif u t-Tberik tal-Istatwa

Iċ-ċerimonja tal-kxif u t-tberik tal-istatwa ta' San Ġorġ Martri sar nhar il-Ħamis 23 ta' April 1998 f' għeluq l-10 anniversarju tal-Għaqda u l-jum liturġiku ta' San Ġorġ Martri. Din l-istatwa swiet lill-Għaqda Lm 800 u kienet maħduma mit-trab tal-irħam. Din inħadmet minn dan il-materjal biex tkun tista' sservi għal tul ta' snin mingħajr ma tkun mhedda mill-ebda ħsara li jikkaġunaw l-elementi.

L-istatwa berikha l-Wisq Rev. Arċipriet tal-Parroċċa Dun Frans Abdilla, S.Th.L. . L-istatwa ħallsuha dawn: il-benefattur u soċju tal-Għaqda s-Sur Frans Cassar li offra s-somma ta' Lm300, is-sezzjoni ‘Żgħażagħ Stillieri' li ħarġu somma ta' Lm200 u s-sezzjoni ‘Soċi Nisa Attivi' li ħarġu Lm 300.
It-tberik ta' din l-istatwa u n-niċċa kienu wkoll parti mill-programm tal-ewwel deċennju tal-Għaqda.

Attivitajiet tal-Ewwel Deċennju tal-Għaqda

Dawn l-attivitajiet kienu mifruxa bejn April u Ġunju 1998 u bdew il-Ħamis 2 ta' April 1998 meta l-Arċipriet tal-parroċċa Dun Frans Abdilla bierek u fetaħ wirja mill-isbaħ ta' vari tal-Ġimgħa l-Kbira.
Il-banda mbagħad ħadet sehem bħas-soltu fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Din kienet nhar il-Ġimgħa l-10 ta' April 1998, u f' dik ta' Kristu Rxoxt il-Ħadd 12 ta' April 1998.

Il-Ħadd 19 ta' April 1998 imbagħad saret quddiesa fil-knisja Arċipretali u Matriċi ta' San Ġorġ Martri bħala ringrazzjament lil Alla u lil San Ġorġ Martri tal-ħarsien li taw lill-Għaqda tul dawn l-għaxar snin.

Il-Ħamis 23 ta' April 1998 ġiet inawgurata l-istatwa, wara li spiċċa l-marċ. Dan kien, beda wara li spiċċat il-funzjoni fil-Knisja, minn fuq iz-zuntier tal-knisja parrokkjali imbagħad kompla fid-direzzjoni tal-każin.

Kif il-marċ wasal quddiem il-każin sar il-kxif tal-istatwa min-Nutar Mark Sammut. L-Arċipriet Dun Frans Abdilla berikha u l-banda daqqet l-Innu ‘Fjur tal-Martri'. Mal-kxif u t-tberik kien hemm entużjażmu kbir mis-soċi u l-ammiraturi preżenti fil-każin.

Kunċert Bandistiku fl-Università

Kien is-Sibt 25 ta' April 1998 meta l-banda ppreżentat l-ewwel kunċert bandistiku bil-kolloborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi. Dan sar fis-sala Sir Temi Zammit fl-Università, tal-Qroqq. Dan il-kuncert kien taħt il-patroċinju tal-Prim Ministru Dr Alfrd Sant li dakinar ma setax jattendi iżda floku kien ġie jirrappreżentah il-Ministru Joe Mizzi.
B' dan il-kunċert, il-banda laħqet l-ogħla livell u b'hekk uriet li għalkemm għadha fl-ewwel għaxar sena tagħha, xorta waħda kienet kapaċi tippreżenta kunċert ta' livell għoli ħafna.
Il-kumitat amministrattiv għoġbu jistieden lill Dr Carmel Bianchi biex jippreżenta dan il-kunċert bandistiku. Il-produzzjoni kienet f'idejn il-Kummissjoni Banda fil-waqt li d-direzzjoni kienet tas-Surmast Direttur Frank Galea u tal-Assistent Surmast Andrew Calleja. Il-Leader tal-banda kien is-Surmast Kav. Vincent Bonnici li huwa wkoll l-għalliem tal-allievi tal-Għaqda.

F'dan il-kunċert indaqqet din il-muzika:
1. ‘Impressions of Seville ' - Suite ta' Harry Simeone.
2. ‘The Merry Widow' - Selection ta' Franz Lehar b' arranġament tas-Surmast Direttur Frank Galea.
3. ‘I Martiti' - Selection mill-opra ta' Mro Carmelo Pace b'arranġament tas-Surmast Direttur Frank Galea.
4. ‘Anici' - Symphonic Poem tal-Assistant Surmast Andrew Calleja.
Intervall.
5. ‘Cats' - Selection ta' Andrew Lloyd Weber.
6. ‘Il Trovatore' - Selection ta' Giuseppe Verdi fuq arranġament ta' P. Vitale.
7. ‘L-Ewwel Deċenju' - Poema Sinfinico tas-Surmast Direttur Frank Galea.

Imbagħad sar diskors tal-okkażjoni mill-President tal-Għaqda l-Professur Dr Antoine Agius. Wara sar id-diskors tal-Ministru Joe Mizzi li kien faħħar bil-kbir il- mod ta' kif il-banda interpretat il-mużika u anke għall-organiżżazzjoni. Il-banda għalqet dan il-kuncert bl-innu tagħha fuq kompożizzjoni tas-Surmast Direttur Frank Galea u bl-Innu Malti, kompożizzjoni ta' Robert Samut.
B'dan il-kunċert ġiet fi tmiemha l-ewwel parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-ewwel deċennju.

It-Tieni Parti taċ-Ċelebrazzjonijiet: Jiġi Inawgurat il-Bini Ġdid tal-Każin

Il-Ġimgħa 12 ta' Ġunju 1998, fil-każin intlagħbet il-finali tal-kompetizzjoni tal-American Pool, organiżżata mis-Sezzjoni Sports.
Il-Ħadd 14 ta' Ġunju 1998 il-banda bħas-soltu ħadet sehem fil-purċissjoni ta' Corpus Christi.
It-Tnejn 15 ta' Ġunju 1998 saret ċerimonja fis-Sala San Ġorġ Martri li hemm fil-każin. Hawn il-president tal-Għaqda, Dr. Antoine Agius, qassam ċertifikati lil persuni onorarji, bandisti, soċi u benefatturi.
It-Tlieta 16 ta' Ġunju 1998 sar barbeque quddiem il-każin.
L-Erbgha 17 ta' Ġunju 1998 sar kunċert ġenerali bi tħejjija għall-programm mużikali tal-Festa.
Il-Ħamis 18 ta' Ġunju 1998 fil-knisja Arċipretali u Matriċi ta' San Ġorġ Martri saret quddiesa b'suffraġju għall-erwieħ mejtin kollha tal-Għaqda u kienet ikkonċelebrata mill-E.T l-Isqof Awziljarju u Vigarju Ġenerali Mons. Annetto Depasquale. Ikkonċelebraw ukoll l-Arċipriet Dun Frans Abdilla u saċerdoti oħra.
Wara l-quddiesa, il-banda San Ġorġ Martri ta' Ħal Qormi, li kienet il-banda mistiedna mill-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici, għamlet marċ li t-tmiem tiegħu kien proprju quddiem il-Każin tal-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici.
Il-Ġimgħa 19 ta' Ġunju 1998 sar programm vokali u strumentali quddiem il-każin tal-Għaqda. Dan il-Programm kien taħt il-patroċinju tal-Wisq Rispettabbli Sindku tal-Belt Pinto, is-Sur Clyde Puli.
Dan il-kunċert kellu direzzjoni tas-Surmast Direttur Frank Galea u tal-Assistent Surmast Andrew Calleja. F'dan il-programm il-banda daqqet dan ix-xogħol Mużikali: ‘Maltesina No.1' tas-Surmast Carmelo Pace u s-Selection minn ‘Cats' ta' Andrew Lloyd Weber u l-Kantata ‘L-Apoteosi ta' San Ġorġ Martri' b'mużika tas-Surmast Direttur Frank Galea u versi ta' Dr Carmel Mallia. Flimkien mal-banda ħadu sehem ukoll il-kor tal-partitarji u tliet solisti.
Indaqq ukoll l-Innu tal-banda fuq kompożizzjoni tas-Surmast Direttur Frank Galea u versi ta' Dr Carmel Bianchi. Wara ndaqq l-Innu Malti.

Fdal-programm saru wkoll għadd ta' preżentazzjonijiet minn benefatturi u għaqdiet oħra.

Wara l-programm, is-Sindku tal-Belt Pinto s-Sur Clyde Puli inawgura il-bini ġdid tal-kain u wara kixef lapida kommemorattiva, xogħol fl-irħam tal-marmista s-Sur Ronald Pisani. Din saret biex tfakkar l-ewwel deċennju u l-bini tal-każin ġdid.
L-Arċipriet tal-Parroċċa, Dun Frans Abdilla, bierek din il-lapida.

Is-Sibt 20 ta' Ġunju 1998 saret lejla Maltija quddiem il-Każin. Il-Ħadd 21 ta' Ġunju 1998, għeluq tal-festi tal-ewwel deċennju,fl-għaxra neqsin kwart ta' filgħodu ttajret għall-ewwel darba mal-arblu l-bandiera l-prima. Din il-bandiera nħadmet fuq disinn tal-imgħallem is-Sur Salvu Bugeja taż-Żurrieq, fil-waqt li l-ħjata saret mis-Sur Joe Gellel tal-Birgu. Il-bandiera ġiet irregalata lill-Għaqda minn sitt benefatturi li bejniethom ħarġu s-somma ta' Lm850. Dawn kienu s-Sinjuri Charles Borġ, Joe Grech, Mario Grech, Stephen Zammit u żewġ persuni oħra li ma xtaqux juru isimhom.

Min-naħa tas-Sur Salvu Bugeja, id-disinn għamlu mingħajr ħlas. Wara li l-banda għal din l-okkażjoni daqqet għadd ta' marċi brijużi quddiem il-każin, mat-tlugħ tal-Bandiera daqqet ukoll l-Innu tal-banda.

Wara dawn iċ-ċelebrazzjonijiet il-banda tat is-sehem tagħha bħas-soltu fil-festa titulari li kienet bejn it-Tnejn 22 u l-Ħadd 28 ta' Ġunju 1998.

Xogħol ta' Dekorazzjoni fis-Sala Carmelo Spiteri

Wara li l-bini tal-każin kien lest u bħalma qrajtu ġie wkoll inawgurat, il-kumitat beda jaħseb kif se jibda jiddekorah. Ġew avviċinati is-sur Alfred Mangion, Membru Onorarju u l-iskultur Salvu Bugeja biex jagħtu l-għajnuna u l-pariri għal dan il-għan. F'Awwissu tal-1998 id-Direttur Ġenerali l-Kav. John Mary Spiteri ħa l-inizjattiva biex jibda dan ix-xogħol ta' dekorazzjoni u beda mis-sala Carmelo Spiteri meta dan ix-xogħol kien lest għall-festa ta' San Ġorġ Martri li kienet ġiet iċċellebrata fil-25 ta' Ġunju 2000.

Tkabbar il-Bini tal-Każin

F'Ottubru tal-1998 l-Għaqda għamlet il-kuntratt li bih xtrat maħzen kbir imiss mal-każin. Dan il-maħżen sewa lill-Għaqda eluf kbar ta' liri, biss bla dubju ta' xejn lill-Għaqda swielha ħafna aktar għax b'hekk il-każin seta' jikber. Fil-fatt dan ġie mniffed mal-każin u illum fih insibu biljards u snooker hall u fil-parti ta' quddiem, li għandha aċċess ukoll għal barra, insibu workshop. Biex dan il-maħżen seta' jiġi utiliżżat għal ħtieġa li kellu bżonn il-każin, fih kellu jsir ħafna xogħol li sar mill-membri tal-kumitat, fosthom Mario Grech li flimkien ma ħuh Joe ħareġ ukoll l-ispejjeż għat-travi, konkos u ġebel li kien jeħtieġ f'dan it-tibdil. Xogħol ieħor sar mid-Direttur Ġenerali l-Kav. John Mary Spiteri. Xogħol ieħor volontarju sar ukoll mis-sur Joseph Spiteri, Spiru Seguna u Indrì Briffa.

Ħatra ta' Surmast Ġdid

F'Ottubru 1998 ġie maħtur is-Surmast Andrew Calleja, V.L.C.M. bħala Surmast Direttur tal-Banda. Dan seħħ wara li kien intemm il-kuntratt mas-Surmast Frank Galea li dam immexxi l-Banda għal għaxar snin sħaħ. Meta nħatar, is-Surmast Calleja kien ukoll Surmast tal-Banda Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba. Is-Surmast Calleja ħalla diversi xogħolijiet mużikali f'din l-Għaqda bħalma huma marċi brijużi u funebri u mużika klassika li wħud minhom kitibhom apposta għall din l-Għaqda.

Imut il-President Onorarju l-Kanonku Dun Ġorġ Bonello

Nhar it-Tlieta 15 ta' Ġunju 1999 ġriet l-aħbar tal-mewt tal-Kanonku Dun Ġorg Bonello li kien Pesident Onorarju ta' din l-għaqda. Il-Kumitat Amministrattiv kien attenda għall-korteo funebri bl-istandard tal-Għaqda, kif ukoll għall-quddiesa presente Cadavere fil-knisja ta' San Ġorġ Martri, Ħal Qormi. Il-funeral tiegħu kien sar il-Ħamis 17 ta' Ġunju 1999.

Bust ta' Carmelo Spiteri

Il-Ħadd 7 ta' Mejju 2000 is-sezzjoni Żgħażagħ Stillieri fi ħdan l-Għaqda għamlet bust tal-mibki imma qatt minsi Carmelo Spiteri li kien wieħed mill-fundaturi, l-ewwel segretarju u l-ewwel bandist. Dan il-bust ġie maħdum mill-Kav. Alfred Camilleri Cauchi u l-pedestall tiegħu nħadem fl-irħam mill-marmista Ronald Pisani. Il-kxif tiegħu sar  waqt attività mużiko-letterarja li saret fl-istess sala Carmelo Spiteri u li fiha ħadu sehem numru ta' bandisti tal-post fejn daqqew xi siltiet mużikali. Il-kxif ta' dan il-bust sar mill-president tal-Għaqda l-Professur Antoine Aguis u kien imbierek minn Dun Karm Grech.

Festa f' Ġieh l-Isqof Awziljarju Mons. Annetto Depasquale

Kien il-Ħadd 17 ta' Jannar 1999 meta fil-parroċċa saret festa f' ġ ieh il- ħatra ta' Mons. Annetto Depasquale Isqof Awziljarju fid-djocesi ta' Malta. Il-banda ħadet sehem f'din iċ-ċelebrazzjoni u l-Isqof żar il-każin u ħare ġ isellem lill-folla mill-gallerija tal-każin. Din kienet ċelebrazzjoni importanti li żgur tibqa' f'qalb il-Qriema u mnaqqxa b'ittri tad-deheb fl-istorja ta' din l-Għaqda.

 

Bibien tal-Kewba għas-Swali

Kien il-mastrudaxxa Ġuzeppi Mangion li beda x-xogħol fuq sett ta' bibien tal-kewba għaż-żewġ swali ta' fuq tal-każin. Però dan l-imgħallem ma kellux ix-xorti jara dax-xogħol lest għax miet ħesrem nhar is-Sibt 9 t'Ottubru 1999. Għalhekk il-kumitat kellu jsib mastrudaxxa ieħor biex ikun jista' jkompli.

Dan daħal għalih l-imgħallem is-Sur Ġorġ Sammut, Qormi ieħor, u proprju għall-festa ta' San Ġorġ Martri tal-2001 il-bibien kienu mqiegħda u b'hekk komplew jagħtu dehra isbaħ liż-żewġ swali. Għall-festi ċentinarji ta' San Ġorġ Martri tal-2003 kienu llustrati mis-sur Philip Psaila, Qormi wkoll.

Dawn il-bibien huma disin tal-iskultur Salvu Buġeja u l-iskultura tagħhom inħadmet ukoll mis-Sur Ġorġ Cardona, iben Ħal Qormi però joqgħod l-Imqabba. Kien hemm numru sabiħ ta' benefatturi li taw id-donazzjoni tagħhom biex dan ix-xoghol seta' jitwettaq.

Dekorazzjoni tas-Swali

Għall-festa ta' San Ġorġ Martri tas-sena 2000 tlesta x-xogħol ta' dekorazzjoni fis-Sala Carmelo Spiteri, u dan sar mill-Kav. John Mary Spiteri li hu wkoll wieħed mill-fundaturi tas-Socjetà, fuq direzzjoni tas-sur Alfred Mangion li għamel ukoll id-disinn.

Fis- Sala Carmelo Spiteri tqiegħdu tliet sopraporti li nħadmu volontarjament mill-mastrudaxxa Emanuel Debono fuq disinn tal-marmista Ronald Pisani u kienu mżanżna fil-festa ta' San Ġorġ Martri tas-sena 2000. L-istess Kav. John Mary Spiteri nhar it-Tnejn 7 ta' Awwissu 2000 beda ix-xogħol fuq id-dekorazzjoni fis-sala San Ġorġ Martri; aktar tard issieħbu miegħu s-sinjuri Mario Grech u Alfred Mangion. Id-disinn tad-dekorazzjoni f'dis-Sala għamlu l-marmista Ronald Pisani.

Kwadri għas-Sala Carmelo Spiteri

It-Tnejn 28 t'Awwissu 2000 ġie firmat il-kuntratt mal-Kav. Alfred Camilleri Cauchi li bih intlaħaq il-ftehim biex dan l-artist jaħdem żewġ kwadri kbar għas-sala Carmelo Spiteri, wieħed jirrapreżenta lil San Ġorġ Martri u l-ieħor lill-Gran Mastru Pinto, biex jitqiegħdu fis-sala Carmelo Spiteri. Dawn il-kwadri rregalahom lill-Għaqda l-Membru Onorarju s-Sur Ġorġ Scicluna. Il-Ħadd 10 ta' Ġunju 2001 kien sar it-tberik tagħhom mir-Rev. Arcipriet tal-parroċċa Dun Frans Abdilla waqt ċerimonja apposta. Il-kxif tal-kwadri sar mid-donatur tagħhom stess.

Il-kumitat kien ta ħjiel ta' kif jixtieq dawn il-kwadri biex ikunu oriġinali kif fil-fatt huma. Il-kwadru ta' San Ġorġ Martri qiegħed jissilet mad-dragun, simbolu tar-rebħa fuq il-ħażen b'żewġ anġli niżlin mis-sema jpoġġulu kuruna u palma , simboli tal-Martri u fl-isfond il-Maltin jissieltu u jirbħu fl-Assedju l-Kbir fejn San Ġorġ Martri kien deher lill-Maltin f'din it-taqbida flimkien ma' San Pawl u Sant' Agata.

Il-kwadru l-ieħor tal-Gram Mastru Pinto jidher jipreżenta lill-Kappillan Dun Ġużepp Vella d-digriet li bih Ħal Qormi kien imżejjen bit-titlu ta' ‘Belt'. Fl-isfond imbagħad hemm il-knisja ta' San Ġorġ Martri, li dak iż-żmien kienet l-unika parroċċa, bil-kleru u l-poplu Qormi fuq naħa u s-sudditi tal-Gram Mastru fuq in-naħa l-oħra. F'kelma waħda, żewġ kwadri li komplew iżejnu din is-sala.

L-Ewwel Quddiesa ta' Saċerdoti mill-Parroċċa

Il-Ħadd 3 ta' Settembru 2000 il-Banda Anici ħadet sehem f'korteo fl-okkażżjoni tal-ewwel quddiesa tas-saċerdot Dun John Muscat. Il-marċ beda minn ħdejn id-dar tiegħu sal-knisja Arċipretali. Festa oħra tal-ewwel quddiesa kienet l-Erbgħa 31 ta' Lulju 2002 ta' Fr Charles Cini meta l-Banda Anici ħadet sehem ukoll b'marċ li beda mid-dar tiegħu sal-knisja Arċipretali. Is-Sibt 5 ta' Lulju 2003 kien imiss il-festa tal-ewwel quddiesa ta' Fr. Louis Farrugia u l-istess il-Banda Anici ikkompanjat ukoll b'marċ mid-dar tiegħu sal-Knisja. Is-Sibt 3 ta' Lulju 2004 l-istess banda ħadet sehem fl-ewwel quddiesa ta' Fr David Farrugia b'marċ mid-dar tiegħu sal-knisja Arċipretali.

Kunċert Vokali u Strumentali Ieħor

It-Tnejn 25 ta' Settembru 2000 il-banda ġiet mistiedna mir-Residenza ta' San Vincenz de Paul biex tagħmel kunċert vokali u strumentali fir-residenza tagħha. F'din l-istess okkażjoni infetħet wirja ta' standardi tal-każini tal-baned Maltin u Għawdxin. Mal-banda ħa sehem ukoll it-tenur Andrew Sapiano. Il-kunċert sar fis-sala tal-istess residenza. Din l-attivita' saret fl-okażżjoni ta' Jum l-Anzjan tas-Sena. Il-banda daqqet diversi xogħlijiet mużikali li tant intgħoġbu mill-anzjani preżenti speċjalment il-kanzunetti Naplitani. Id-direzzjoni tal-banda kienet tas-Surmast Direttur Andrew Calleja.

Stendardi Rregalati

Wara li fil-bidu l-Għaqda kellha l-istandard uffiċjali tagħha, jiġifieri dak ta' tmien strixxi bojod u suwed b'salib bir-rand imdawwar mas-Salib u bl-istilla titfa' r-raġġ tagħha lejn is-Salib, u dan kollu jirrapreżenta l-arma tal-kunjom ‘Anici', l-Għaqda kellha wkoll żewġ standardi oħra: dak ta' Malta u ieħor tar-Reliġjon. Kien proprju lejlet il-festa tal-1990 meta ġie rregalat standard ieħor, dak tal-Papa, mis-soċju s-sur Frans Cassar.
Il-Kanonku Dun Ġorġ Bonello, President Onorarju, bierek it-tieni standard tal-banda ġdid, biex nhar il-Ġimgħa l-Kbira 9 ta' April 1993, mexxa l-banda fil-purċissjoni.

Il-pittura ta' dan l-istandard saret mill-Kav. John Mary Spiteri, Direttur Ġenerali, waqt li l-ħjata saret mis-Sinjura Ludgarda Pace, Chairperson tas-sezzjoni ‘Soċi Nisa Attivi'. Ix-xogħol kollu sar mingħajr ħlas. L-ispejjeż għax-xiri tal-materjal laħqu Lm100. Dawn ħariġhom is-Sur Frans Saliba li dak iż-żmien kien viċi Direttur. Dan l-istandard issa sar aħmar bl-arma tal-banda fin-nofs.

Fl-1993 ukoll is-Sur George Debono kien ħadem u rregala lill-Għaqda leġiju u podium tal-kawba biex fuqu jidderieġi s-Surmast. It- tberik sar waqt il-preżentazzjoni fil-każin mill-Kanonku Dun Ġorġ Bonnello.

Fl-1994 is-sezzjoni Żgħażagħ Stillieri rregalaw lill-Għaqda l-istandard tagħhom. Dan juri l-arma tas-sezzjoni fuq sfond aħmar b'disinn u pittura tal-Kav. John Mary Spiteri. Il-ħjata saret mis-Sinjura Ludkarda Pace u kollox sar volontarju.

Fl-1996 il-Membru Onorarju s-sur George Scicluna waqt li kien għal btala f'Malta proprju f'Sibt il-Għid irregala l-ewwel standard minn barra l-pajjiż. Dan kien jirrappreżenta l-Istat ta' Michigan fil-U.S.A. . L-istess George Scicluna fl-istess sena waqt li l-banda kienet fuq mawra fil-Canada u fl-Istati Uniti waqt dinner dance f'Detrojt irregala standard tal-Amerika.Waqt l-istess mawra, però did-darba f'Toronto, il-Canada, is-St.George's Association ta' Toronto rregalat lill-għaqda l-istandard tal-Canada.

Fl-1997 is-sur George Scicluna reġa' rregala standard ieħor, din id-darba tal-Grammastru Pinto.

Fl-1998 meta l-Għaqda kienet qed tfakkar l-ewwel deċennju tagħha waqt program vokali u strumentali li kien sar quddiem il-każin, l-aħwa Indrì u Charles Cilia rregalaw standard bl-arma ufficjali tal-Għaqda fuq sfond aħmar u din id-darba ma kinitx pittura imma rakkmu, u għalhekk sar bħala l-istandard il-prim li joħroġ biss f'lejlet il-festa. Il-labarda ta' dan l-istandart turi lil San Ġorġ Martri fuq iż-żiemel indurat bid-deheb fuq pedestal ibbanjat bil-fidda; mal-pedestal, dak inhar stess tal-programm, ġew imdendla tliet midalji mir-rispettabli Sindku Clyde Puli. Waħda mit-Tliet midalji hija munita antika taż-żmien il-Gran Mastru Pinto li ġiet irregalata lill-Għaqda mill-ewwel Surmast Direttur tal-banda Frank Galea, it-tnejn l-oħra jġibu l-emblema waħda tal-arma uffiċjali tal-Għaqda u l-oħra b'San Ġorġ Martri fuq iż-żiemel. Dawn it-tliet midalji huma tal-fidda. Dan l-istandard ġie maħdum fil-Canada waqt li l-banda kienet qiegħda tagħmel il-mawra tagħha hemm.

Waqt l-istess programm l-aħwa Joe u Mario Grech kienu ppreżentaw sett qniepen li kienu nġabu wkoll mill-Canada. Hawn tajjeb insemmi li l-aħwa Grech kienu ħallsu aktar minn-nofs l-ispiża, bil-kumplament toħroġhom l-Għaqda.

Rappreżentanti mis-St.George's Association ta' Sidney rregalat standard tal-Awstralja lejlet il-festa f'Ġunju tal- 1999, meta il-banda kienet qiegħda tagħmel il-marċ tagħha u waslet quddiem il-Każin.

Fis-sena 2000 waqt program vokali u strumentali, proprju fl-aħħar jum tat-Tridu tal-Festa, is-sinjuri Reno Muscat u Ernest Cammileri, żewġ membri fil-kumitat, kienu ppreżentaw standard tat-Terra Santa; waqt l-istess program is-sezzjoni ‘Żgħażagħ' ippreżentaw standard ta' San Ġorġ Martri, jiġifieri abjad bis-salib aħmar. L-aħħar standard li kien irregalat lill-Għaqda kien dak tal-Ewropa, mogħti mill-Onor Clyde Puli, Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sports waqt il-programm mużikali li esegwiet il-banda f'jum l-aħħar Tridu tal-Festa ta' San Ġorġ Martri, il-Ġimgħa 26 ta' Ġunju 2009.

Kunċert Vokali u Strumentali

Nhar il-Ħadd 11 ta' Frar 2001, il-Banda Anici esegwiet it-tieni kunċert tagħha bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali Qormi fis-sala Sir Temi Zammit fl-Università ta' Malta. Għal dan il-kunċert, li kien taħt il-patroċinju tas-Sindku ta' dak iz-zmien,is-Sur Clyde M. Puli, attendew numru sabieħ ta' partitarji u mistiedna oħra. Kienu mistiedna wkoll l-għaqdiet mużikali l-oħra Qriema, imma laqgħet din l-istedina l-banda tas-socjetà Filarmonika Pinto, Banda San Sebastian. F'dal-kunċert il-banda interpretat diversi xogħlijiet ta' kompożituri barranin kif ukoll kompożizzjoni tas-Surmast Direttur Andrew Calleja li ddirieġa l-banda. Fost il-Mużika li l-aktar spikkat u li kienet ukoll impenjattiva ħafna kien hemm l-Overture 1812 ta' Chaikovski. Mal-Banda ħadu sehem it-Tenur Joseph Aquilina u s-Sopran Joan Mangion. Il-preżentazzjoni kienet ta' Dr. Carmel Bianchi fuq produzzjoni tal-Kummissjoni Banda.

Festa ta' Corpus Christi u l-Qanpiena l-Ġdida

Il-Ħadd 17 ta' Ġunju 2001 il-Banda Anici bħas-soltu ħadet sehem fil-festa ta' Corpus Christi, biss din is-sena kellha sinifikat ieħor, għax din l-okkażjoni żgur ser tibqa' miktuba b'itri tad-deheb fl-istorja tal-Għaqda. Dan minħabba l-fatt li dak in-nhar stess filgħodu kienet inawgurata l-qanpiena l-ġdida għall-knisja parrokkjali, ta' San Ġorġ. Filgħaxija l-banda kellha x-xorti tkun l-ewwel banda li daqqet quddiem il-qanpiena dak in-nhar stess tal-inawgurazzjoni qabel ittellgħat f'posta.

Innu Marċ liż-Żgħażagħ Stillieri

Il-Ġimgħa 7 ta' Settembru 2001, sar att notarili li bih ġie stabbilit l-Innu Marċ iddedikat lis-sezzjoni ‘Żgħażagħ Stillieri', u b'hekk sar proprjetà tal-Għaqda. Il-kompożizzjoni ta' dan l-Innu Marċ ġiet fdata f'idejn is-Surmast Archibald Mizzi fuq versi ta' Dr Carmel Bianchi, President Onorarju. Waqt il-kuntratt li sar quddim in-Nutar Joseph Abela kien hemm preżenti wkoll il-President ta' l-Għaqda, l-Profs. Antoine Agius, is-Segretarju Carmelo Attard u Direttur Ġenerali l-Kav. John Mary Spiteri. Dan l-Innu Marċ ġie kkommissjonat u rregalat lill-Għaqda mis-sezzjoni ‘Żgħażagħ Stillieri' u ndaqq għall-ewwel darba fil-festa ta' San Ġorġ Martri tal-2002.

Żjara tal-President ta' Malta fil-Każin

It-Tlieta 5 ta' Frar 2002 saret żjara uffiċjali fil-każin mill-E.T. l-President ta' Malta l-Profs. Guido De Marco. Waqt iż-żjara l-President kien imdawwar mal-każin u kellu kliem ta' tifħir għall-mod ta' kif inhu miżmum l-stess każin u għad-dekorazzjonijiet u opri li fih.

Fl-okkażjoni ta' diż-żjara, il-President ġie mogħti rigal ta' tifkira. Jakkompanja lill-President kien hemm ukoll is-Sindku s-Sur Rodrick Galdes. Mal-wasla tiegħu ġie milquh mill-president tal-Għaqda l-Profs. Antione Agius u minn uffiċjali oħra tal-Għaqda.

Akkademja

Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Għaqda, il-Banda Anici bill-kollaborazzjoni tal-Arċipriet u l-Kleru tal-Parroċċa San Ġorg Martri tellgħet Akkademja Mużiko-Letterarja fil-knisja Arċipretali u Matriċi ta' San Ġorg Martri fl-okkażjoni tas-17-il Ċentinarju mill-Glorja ta' San Ġorġ li saret il-Ħamis 22 ta' Mejju 2003 u bdiet fis-7.30 ta' filgħaxija. Din l-Akkademja saret taħt il-patrocinju tal-E.T. Mons. Isqof Annetto Depasquale. Kienu mistiedna diversi persuni distinti. Il-poplu Qormi li ġie bi ħġaru sema' s-siltiet mużikali u l-qari tant interessanti li flimkien sawru din l-Akkademja li kienet tassew waħda ta' suċċess.

Il-programm kien imqassam kif ġej:
Innu Popolari ‘Fjur tal-Martri' ta' Mro. G. Camilleri kantat mill-kor ‘Exultate Dominum';
‘I Walk with God' ta' N. Brodszky b'arranġament ta' Mro G. Debono;
‘Panis Angelicus' ta' Caesar Frank kantat mis-Sopran Joane Mangion;
poeżija ta' Dr Carmelo Bianchi: ‘Is-17-il Seklu ħajjin ta' San Ġorġ Martri';
l-intermezz ‘Agnus Dei' ta' G. Bizet b'arranġament ta'Mro F. Galea fejn kanta t-Tenur Joseph Aquilina;
l-intermezz ‘Reverie on Direct Cloister' tal-eks Surmast Frank Galea;
‘Il-Lacerato Spirito' ta' G. Verdi b'arranġament tas-Surmast Frank Galea, fejn kanta l-Baxx Albert Butiġieġ;
l-Adagio ‘Ċentinarju 2003' tas-Surmast Direttur Andrew Calleja;
diskors mill-President tal-Għaqda l-Profs. Antoine Agius;
l-Innu l-kbir, l-‘Apoteosi ta' San Ġorġ Martri' tas-Surmast Frank Galea fuq versi ta Dr. Carmel Mallia Membru Onorarju,fejn ħadu sehem it-tliet solisti: it-Tenur Joseph Aquilina, il-Baxx Albert Butiġieġ u s-Sopran Joane Mangion flimkien mal-kor tal-parroċċa ‘Exultate Dominum';
l-Innu Marċ ‘Ġorġi Tagħna' tas-Surmast Archibald Mizzi fejn ħa sehem il-kor ‘Exultate Dominum';
diskors mill-E.T. Mons. Isqof Annetto Depasquale;
l-Innu taċ-Ċentinarju tal-Profs. Joseph Vella fejn kanta għal darba oħra l-kor ‘Exultate Dominum'.

Id-Direzzjoni tal-banda kienet tas-Surmast Direttur Andrew Calleja. Ippreżentaw l-Akkademja Dr. Carmel Bianchi u s-Sinjura Marisa Pace.

Ftuħ Uffiċjali tas-Sala San Ġorġ Martri

Wara tant xogħol mill-Kav. John Mary Spiteri Direttur Ġenerali u Fundatur, b' l-għajnuna tas-sinjuri Alfred Mangion Membru Onorarju u Mario Grech, is-sala San Ġorġ Martri tlestiet u nhar is-Sibt 21 ta' Ġunju 2003 ġiet inawgurata uffiċċjalment mill-Aġent Pesident ta' Malta Dr. George Hyzler. Għal din l-okkażżjoni il-Banda Anici għamlet Marċ minn ħdejn il-Knisja Arċipretali u Matriċi ta' San Ġorġ Martri sal-Każin, fejn fit-8:30 ta filagħxija laqgħat lill-Aġent President ta' Malta bid-daqq ta' l-Innu Malti wara ġie mistieden jiftaħ is-sala uffiċċjalment u wara d-diskorsi tal-President ta l-Għaqda Profs Antoine Agius u l-istess ta l-Aġent President, fejn wara kixef il-Lapida kommemorattiva. Is-sala ġiet imbierka mill-Arċipriet tal-Parroċċa Dun Frans Abdilla. Saru wkoll xi preżentazzjonijiet u fost l-oħrajn l-Aġent President irregala lill l-Għaqda il-proklama li b'hija kien inħatar Aġent President f'din l-okkażżjoni Wara ċ-ċerimonja tal-ftuħ kien hemm riċiviment ta' l-okażżjoni. Din kienet attivita oħra marbuta mal-festi tas-17-il ċentinarju mill-Glorja ta' San Ġorġ Martri li organiżżat din l-għaqda Mużikali.

Armi Ġodda għall-Brieret tal-Bandisti

Fil-Programm Vokali u Strumentali li tellgħet il-Banda Anici Nhar il-Ġimgħa 27 ta' Ġunju 2003 l-aħħar jum tat-Tridu tal-Festa Titulari, il-President Onorarju is-Sur George Scicluna residenti f' l-Amerika ippreżenta sett armi ġodda biex jieħdu post dawk l-antiki fuq il-brieret tal-Bandisti. Dawn l-armi ġew imżanżna fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tad- 9 t' April 2004

Il-Banda Anici b'Rekord Eċċellenti

Il-Ħadd 10 t' Awissu 2003, Il-Banda Anici kitbet b' ittri tad-deheb paġna oħra mill-istorja tagħha billi fl-istess ġurnata u fl-istess ħin ħadet sehem f' żewġ purċissjonijiet differenti, fil-Birgu għall festa ta' San Lawrenz, u fil-Ħamrun għall festa ta' San Gejtanu. L-Għaqda kienet kburija li kienet kapaci tagħmel dan.

Att Notarili dwar l-Innu tad-Duluri Omm Alla Addollorata

Kien 24 ta' Novembru 2003 meta quddien in-Nutar Peter Carbonaro sar il-kuntrat li bih il-Kompożitur Kav. Abel Joseph Mizzi intrabat illi l-Innu Omm Alla Addolorata li kiteb għall-Banda Anici jindaqq biss minn din il-Banda. Preżenti wkoll waqt il-Kuntratt kien hemm il-President ta' l-Għaqda Profs Antoine Agius, is-Segretarju Carmel Polidano u Direttur Ġenerali Chev John Mary Spiteri. Dan l-Innu Indaqq mil-Banda għall l-ewwel darba nhar il-Ġimgħa l-Kbira ta' l-2004. Il-versi ta' dan l-Innu inkitbu min Dr Carmel Bianchi.

Mafkar lil San Ġorġ Martri

Il-Ħadd 25 t'April 2004, il-Banda Anici għamlet marċ minn quddiem il-każin sa Triq is-Sagħtar fl-inħawi ta' ‘Ta'Farsina' fejn imbagħad ingħaqdet mal-banda l-oħra tal-paroċċa biex ġie inawgurat mafkar tal-ġebel ta' San Ġorġ Martri.

 

Inawgurata l-Web-Site tal-Każin

Is-Sibt 19 ta' Ġunju 2004 kienet inawgurata l-ewwel website tal-Għaqda mill-President tal-Għaqda l-Profs. Antoine Agius waqt riċeviment li sar għall-mistednin fl-okkażjoni tal-festa ta' San Ġorg Martri. Il-website hija www.anicibandclub.org    bl-e-mail:  info@anicibandclub.org

Kunċert Vokali u Strumentali Ieħor

Kien is-Sibt 23 t'Ottubru 2004 meta l-Banda Anici tellgħet it-tielet kunċert vokali u strumentali bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali Qormi. Dan sar fis-sala tal-Istitut Kattoliku l-Floriana u kien taħt il-patrocijnu tal-Wisq Rispettabbli Sindku Jesmond Aquilina. Dan il-kunċert intlaqa' tajjeb mill-pubbliku preżenti u fih ħadu sehem is-Sopran Joane Mangion u t-Tenur Joseph Aquilina. Il-Mużika li ndaqqet f'dan il-kunċert kienet din:
• The Mask of Zorro, Theme J. Horner,
• Danza Hungara No. 5, Danza J. Brahms,
• O Mio Babbino Caro, Aria G. Puccini,
• Danza Hungara No. 6, Danza J. Brahms,
• E. Lucevan Le Stelle, Aria G. Puccini,
• Fantasia in Do Minore tas-Surmast Kav. Abel J. Mizzi,
• The Village Suite tas-Surmast Direttur Andrew Calleja,
• Marcia Slava, P. Tschaikowsky,
• Brindisi, Aria G. Verdi,
• The Shepherds Hymn Symphony No.6, Beethoven,
• Innu ta' Ħal Qormi tas-Surmast Sebastian Camilleri,
• Innu tal-Banda tal-eks Surmast Frank Galea,
• Innu Malti ta' Roberd Samut.

Id-direzzjoni tal-banda kienet tas-Surmast Andrew Calleja u preżentaw il-programm Dr. Carmel Bianchi u is-Sinjura Marisa Pace. Insemmi wkoll li l-biċċa mużika tas-Surmast Direttur inkitbet apposta għal dan il-kunċert u ġiet milqugħa ferm tajjeb. F'dal-kunċert saru wkoll preżentazzjonijiet: min-naħa tal-President tal-Għaqda l-Profs. Antoine Agius lis-Sindku u dan irreċiproka.

Imut membru Onorarju Ieħor

Is-Sibt 8 ta' Frar 2005 ġriet l-aħbar tal-mewt tas-Sur John Borg, Membru Onorarju tal-Għaqda. Il-Funeral tiegħu kien sar l-Erbgha 9 ta' Frar 2005. Rappreżentanza mill-Kumitat Amministrattiv attendiet għall-quddiesa prezente Cadavere li saret fil-knisja Arċipretali u Matriċi ta' San Ġorġ Martri. John Borġ kien persuna li fil-bidu tal-Għaqda ħadem ħafna speċjalment waqt il-bini tal-każin.

Pussess ta' Arċipriet Ġdid

Il-Ħadd 24 t'April 2005 il-banda ħadet sehem fil-korteo tal-pussess tal-Arcipriet il-ġdid il-W.R. Kan. Dun Anton Cassar mid-dar tiegħu li tinsab fi Pjazza San Franġisk sal-Knisja ta' San Ġorġ fejn wara saret il-quddiesa tal-pussess. Il-banda waqt il-korteo daqqet diversi marċi brijużi.

Kunċert f'Jum Ħal Qormi

Data oħra memorabbli fl-istorja ta' din l-Għaqda kienet l-Erbgħa 25 ta' Mejju 2005 meta l-Banda Anici flimkien maż-żewg baned l-oħra ta' Ħal Qormi daqqew flimkien quddiem it-Tribuna ta' Pinto f'kunċert imtella' bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali Qormi. L-Għaqda kienet ippreżentata f'dal-kunċert mhux biss bil-bandisti tagħha iżda wkoll bil-membri tal-Kumitat Amministrattiv kif ukoll bl-istandard tagħha.

Inawgurata Vetrina fis-Sala San Ġorġ Martri

Is-Sibt 18 ta' Gunju 2005 kienet inawgurata vetrina maħduma mill-ġewż li tpoġġiet fis-sala San Ġorġ Martri. Dil-vetrina kienet sponsorjata mill-benefattur u Membru Onorarju tal-Għaqda s-Sur Lukardu Borġ li ħareġ aktar minn nofs l-ispiża. Il-kumplament tal-ispiża nħarġet mis-sezzjoni ‘Soċi Nisa Attivi' fi ħdan l-Għaqda. Id-disinn ta' dil-vetrina kien fdat f'idejn il-marmista Ronald Pisani u nħadmet mis-Sinjuri Paul Spiteri u Mario Grech; dan tal-aħħar kien membru fil-Kumitat Amministrattiv. Fl-istess okkażjoni kienu inawgurati wkoll arloġġ u żewġ kandelabri għal fuq mejda ta' sottospecchio li tpoġġew quddiem il-kwadru tal-Gran Mastru Pinto li hemm fis-sala Carmelo Spiteri. L-arloġġ u l-kandelabri huma magħmula mill-bronż, fil-waqt li l-mejda hi magħmula mill-injam indurat. Dawn kienu rregalati lill-Għaqda mis-sezzjoni ‘Żgħażagħ Stillieri'.

Dawn iż-żewġ opri kienu mbierka mill-W.R. Arċipriet tal-parroċċa l-Kan. Dun Anton Cassar, filwaqt li l-kxif tal-vetrina kien sar mill-istess Lukardu Borġ.

Qabel l-inawgurazzjoni kien hemm diskors mill-President tal-Għaqda l-Profs. Antoine Agius. Wara, sar riċeviment għall-mistiedna u għas-soċi fl-okkażżjoni wkoll tal-festa ta' San Ġorġ li kienet iċċelebrata il-ġimgħa ta' wara.

Ħatra ta' Surmast Direttur Ġdid

Is-Sibt l-1 t'Ottubru 2005, l-Għaqda Muzikali Anici ħatret lis-Surmast Joseph Vella bħala s-Surmast Direttur ġdid tal-Banda. Mro Joseph Vella huwa rinomat ħafna fil-qasam mużikali, biżżejjed insemmu d-diversi baned fejn iħabbat, jiġifieri: Santa Elena ta' B'Kara, La Vittoria tal-Mellieħa, Lourdes ta' San Ġwann u San Gabriel ta' Ħal Balzan. Dan jixgħed il-kapacità u l-popolarità li għandu.

L-ewwel kompożizzjoni li kiteb għall-Għaqda tagħna bħala Surmast Direttur kien marċ brijuż bl-isem ‘Is-surmast il-ġdid', marċ li kien inkluż f'sett ta' marċi brijużi li kienu rrekordjati l-Erbgħa 25 ta' Jannar 2006, meta Mro Vella ddebutta bħala Surmast Direttur tal-banda Anici.

L-ewwel direzzjoni ta' Mro Vella mal-Banda Anici kien proprju waqt Prize Day li saret il-Ħadd 4 ta' Dicembru 2005, u l-ewwel dehra bħala Surmast Direttur mal-banda waqt marċ fit toroq ta' Ħal Qormi kien il-Ħadd 18 ta' Diċembru 2005 fl-okkażjoni tal-Milied. Is-Surmast Joseph Vella għandu diversi xogħlijiet Mużikali f'din l-Għaqda, bħal ngħidu aħna marċi brijużi u funebri, iżda wkoll mużika klassika li saħansitra kitibhom apposta għall dil-banda.

Żjara fil-Każin mill-Prim Ministru Dr Laurence Gonzi

L-Erbgħa 5 t'April 2006, il-Prim Ministru ta' Malta Dr. Laurence Gonzi żar il-każin fejn inawgura l-wirja tal-Passjoni organiżżata fl-okkażjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa. Din kienet l-ewwel żjara uffiċjali tal-Prim Ministru fil-każin fejn iffirma il-ktieb tal-viżitaturi u ħeġġeġ lill-Għaqda tkompli miexja ‘l quddiem fil-ħidma tagħha għax il-volontarjat li kien ra f'din l-Għaqda kien kbir u jirrifletti l-għaqal li bih imxew id-diriġenti tagħha.

Tlestiet id-Dekorazzjoni tas-Saqaf tat-Taraġ Prinċipali

Wara sentejn sħaħ ta' ħidma bla waqfien, ix-xogħol ta' dekorazzjoni tas-saqaf prinċipali tal-każin fl-aħħar tlesta. Id-disinn u xogħol sar mid-Direttur Ġenerali tal-Għaqda l-Kav. John Mary Spiteri. Issa ix-xogħol kollu tas-swali ta' fuq tlesta u l-każin hu dehen li jissejjaħ ‘Palazz Cappadocia'.

Il-Funeral tas-Sur Salvu Baldacchino, eks Licencee tas-St George's Fireworks Factory.

It-Tnejn 3 ta' Lulju 2006, il-Banda Anici kienet ikkummissjonata biex iddoqq fil-funeral tas-Sur Salvu Baldacchino, eks Licencee tas-St. George's Fireworks Factory, illum magħrufa bħala l-Għaqda tan-Nar 23 ta' April. F'dal-funeral, il-Banda Anici kienet l-unika banda li ħadet sehem u tul il-korteo funebri mill-knisja ta' San Ġorġ akkumpanjat b'diversi marċi funebri saċ-ċimiterju tal-parroċċa.

Att Notarili Dwar il-Marċ ‘Demm Ġorġjan'

Kien il-Ġimgħa 20 ta' Ottubru 2006 meta quddiem in-Nutar Paul George Pisani sar l-Att Notarili dwar il-Marc li jindaqq mill-Banda Anici ‘Demm Ġorġjan'. B'hekk issa dan il-marċ se jibqa' jindaq biss mill-Banda Anici. Preżenti waqt dan il-kuntratt kien hemm ukoll il-kompożitur is-Surmast Sunny Galea u martu, u min-naħa tal-Għaqda l-Profs. Antoine Agius, is-Segretarju Saviour Mifsud, id-Direttur Ġenerali l-Kav. John Mary Spiteri u Engilbert Muscat.

Sede Ġdida għall-Kunsill Lokali Qormi

Il-Ħadd 25 ta' Frar 2007, il-banda għamlet Marċ li beda fl-10:00 ta' filgħodu minn quddiem il-każin u kompla għal Triq il-Vittorja sa quddiem is-sede l-ġdida tal-Kunsill Lokali. Il-banda tul it-triq daqqet diversi marċi brijużi u fi tmiem il-marċ, quddiem il-Kunsill, daqqet l-innu ta' Ħal Qormi taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Joseph Vella. Fl-istess okkażżjoni il-Kumitat Amministrattiv ta' l-Għaqda flimkien mas-Sezzjoni Żgħażagħ Stillieri għamlu esebizzjoni ta' oġġetti relatati ma' l-Għaqda. Din l-okkażżjoni wkoll kienet imxandra diretta fuq wieħed mill-istazzjonijiet televiżivi Maltin.

Kuntratt Bejn il-Baned tal-Parroċċa

Il-Ġimgħa 9 ta' Marzu 2007, l-Għaqda Muzikali San Ġorġ Martri ta' Ħal Qormi ħallset is-somma ta' Lm 500 (Ħames mitt lira Maltin) lill-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici bħala penali għall-ksur tal-kuntratt li kien iffirmat bejn iż-żewġ baned fid-19 ta' Ġunju 1999, liema kuntratt jorbot diversi suġġetti fosthom liema marċi brijużi jistgħu jindaqqu mill-baned rispettivi, però mhux l-istess fejn jirrigwardja l-marċi funebri fejn hemm stipulat biss l-innijiet iddedikati lill-Madonna tad-Duluri li għandhom iż-żewġ baned. Fost oħrajn ukoll hemm dak rigward il-bandisti lokali u li trid tintbagħat lista qabel isir ir- recording tal-marċi brijużi, u għal din tal-aħħar l-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri ta' Ħal Qormi naqset milli tagħmel dan u għalhekk weħlet il-penali.

Żjara fil-Każin mill-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Alfred Sant

Il-Ħamis 29 ta' Marzu 2007, il-Kap ta' l-Oppożizzjoni Dr. Alfred Sant żar il-każin fejn inawgura l-Wirja tal-Passjoni 2007 imtellgħa fil-każin stess fl-okkażżjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa. Din kienet l-ewwel żjara uffiċjali tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-każin fejn ukoll iffirma l-ktieb tal-viżitaturi u wara ġie mdawwar mal-każin fejn wera sodisfazzjon kbir għall-ħidma u l-progress tal-Għaqda.

Drapp Ġdid li Żejjen il-Faċċata tal-Każin

L-Erbgħa 20 ta' Ġunju 2007, kien imżanżan drapp iddisinnjat għall-faċċata tal-każin biex jintrama għall-festa. Dan ix-xogħol kien fuq disinn u sfumar ta' Charlo Spiteri u ħjata tas-Sinjura Ċensa Psaila. L-ispejjeż tad-drapp li ntuża tħallsu mis-sezzjoni ‘Soċi Nisa Attivi' fi ħdan l-Għaqda. B'hekk il-faċċata maestuża tal-każin issa għandha il-libsa tal-festa. Id-direġenti tal-għaqda qagħdu attenti ħafna li dax-xogħol ma jagħttix il-ġebla sabieħa fuq il-fil tal-faċċata, u b'hekk sar kollox bil-galbu, u għalhekk il-faċċata kif ukoll id-drapp tgawdew it-tnejn.

Żjara fil-Każin mill-Eċċ. Tiegħu Mons. George Frendo, Isqof fl-Albanija

Il-Ġimgħa 22 ta' Ġunju 2007, l-Eċċellenza Tiegħu Mons. George Frendo, Isqof fl-Albanija, żar il-każin fejn ukoll ħalla tifkira billi ppreżenta karlotta u iffirma l-ktieb tal-viżitaturi u wara taħt il-patrocinju tiegħu il-Banda Anici tellgħet programm vokali u strumentali fl-okkazzjoni tal-Festa ta' San Ġorġ Martri. L-Isqof George Frendo kien sodisfatt u kellu kliem ta' tifħir lejn l-Għaqda.

Kunċert Vokali u Strumentali mill-Banda Anici

Is-Sibt 27 t' Ottubru 2007, il-Banda Anici bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali Qormi tellgħet kunċert vokali u strumentali fit-Teatru tal-Istitut Kattoliku l-Floriana taħt il-patroċinju tal-W.R. Sindku Jesmond Aqulina. Il-banda kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur Joseph Vella. A.(Mus.) L.C.M., A.(Mus.)L.S.M., L.(Mus.) L.C.M., F.V.C.M. Il-programm kien ippreżentat minn Dr. Carmel Bianchi fuq produzzjoni tal-Kummissjoni Banda Anici. Mal-banda ħadu sehem ukoll it-Tenuri Brian Cefai, Andrew Sapiano u George Saliba u ż-żeffiena Yorin u Loraine Gauci. Fil-kunċert indaqqet din il-Mużika:
l-ewwel parti:

I Cavalieri Di Malta, Overture tal-kompożitur A. Nani,
Overture No 1 in Bb, Overture oħra tas-Surmast Għawdxi Sunny Galea,
L'Alba Della Vittoria, Marcia Sinfonica tas-Surmast Qormi Nikola Montebello,
The Student Prince, Selection ta' S. Romberg,
20 th Anniversary to Anici Band, Overture tas-Surmast Direttur Joseph Vella.

It-Tieni parti:

L'Italiana in Algeri, sinfonia tal-kompożitur Taljan G. Rossini,
Rapsodia Napolitana ta' R. Cristiano
(kantaw it-Tenuri George Saliba, B. Cefai, u A. Sapiano),
Swing The Mood, Medley, arranġament mużikali ta' M. Sween,
(iddirieġa l-Kav. Mro Vince Bonnici u ħadu sehem ukoll iż-żeffiena Yorin u Loraine Gauci),
Queen of Concert, Medley, arranġament għall-banda mis-Surmast Ray Sciberras,
Ġorġi f'Qalbna, Innu Marċ, kompożizzjoni ta' Ray Debono,
Innu ta' Ħal Qormi tas-Surmast Qormi Sebastian Camilleri,
Innu Banda Anici, kompożizzjoni tas-Surmast Frank Galea.

F'dal-kunċert kienet imżanżna l-Overture li s-Surmast Direttur kiteb apposta għall-għoxrin anniversarju tal-Għaqda, fil-fatt semmiha ‘20th Anniversary to Anici Band' li kienet intlaqgħat b'applaws kbir. F'dal-kunċert kien imżanżan ukoll l-Innu Marċ ġdid bl-isem ta' ‘Ġorġi f'Qalbna', kompożizzjoni ta' Raymond Debono fuq versi ta' Dr. Carmel Bianchi. Dan l-innu Marċ ġie kkummissjonat lill-banda mill-Kummissjoni Banda. Aktar tard dan l-Innu Marċ kien irrekordjat fuq CD l-Erbgħa 24 ta' Jannar 2008 mal-kumplament ta' marċi ġodda li mbagħad iżżanżnu fil-festa ta' San Ġorġ Martri fl-istess sena; ma' dan l-Innu Marċ fuq din is-CD hemm il-vuċijiet tal-kantanti stabbiliti s-Sinjuri Aldo Busuttil u Claudia Faniello.

Żjara fil-Każin mill-Eċċ. Tiegħu Mons. Paul Cremona, Arċisqof ta' Malta

Il-Ħamis 13 ta' Marzu 2008, l-E.T. Arċisqof Mons. Paul Cremona kien mistieden mill-Għaqda biex jinawgura l-wirja tal-Passjoni fil-każin stess fl-okkażżjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa. L-Eċċ. Tiegħu, wara li ffirma l-ktieb tal-viżitaturi, irregala bħala tifkira lill-Għaqda l-karlotta tiegħu. Kellu kliem ta' tifħir u baqa' impressjonat bl-avvanz kbir li sar fl-Għaqda f'għoxrin sena biss. L-Għaqda wkoll tagħtu tifkira. Wara, ġie mdawwar mal-Każin.

Arkivju Mużikali

  Is-Sibt 14 ta' Ġunju 2008, bħala tifkira tat-tieni deċennju ġie mżanżan arkivju mużikali maħdum fil-ġewż fuq disinn tal-iskultur Salvu Bugeja. Il-persuni li ħadmu f''dan l-arkivju kienu s-Sinjuri Mario Grech u Paul Spiteri li ħadmu volontarjament fl-injam. John Suda u Joseph Mangion għamlu l-iskultura.  Joe Galdes li għamel il-lostru, Lino Vella u Charles Catania għamlu l- binding tal-kotba li fihom tpoġġiet il-mużika, u Float Glass li b'mod volontarju ħadem u ta l-materjal tal-ħġieġ. Inkarigat mill-ġbir għal dan l-arkivju kien id-Direttur Ġenerali l-Kav. John M. Spiteri li kien ukoll inkarigat bħala arkivista mill-mużika li tpoġġiet f'dan l-arkivju. Iċ-ċelebrazzjoni bdiet fis-6.45 ta' filgħaxija b'marċ mill-Banda Anici minn ħdejn il-knisja Arċipretali u Matriċi ta' San Ġorġ Martri. Bil-marċ tagħha daret mat-toroq lejn id-direzzjoni tal-każin fejn fit-8.15 ta filgħaxija wasal l-Onorevoli Segretarju Parlamentari Clyde Puli li kien il-mistiden speċjali ta' din l-okkażżjoni. Il-mistiedna telgħu fis-sala San Ġorġ Martri fejn sar id-diskors ta' l-okkażżjoni mill-President tal-Għaqda l-Profs. Antoine Agius, u l-Onor. Segretarju Parlamentari Clyde Puli kixef l-arkivju mużikali, u għamel id-diskors tal-okkażżjoni. Wara, sar it-tberik tal-arkivju mill-W.R.Arċipriet tal-parroċċa l- Kan. Anton Cassar. Saru wkoll xi preżentazzjonijiet u wara din iċ-ċerimonja sar riċeviment li kompla wkoll bħala tħejjija għall-festa ta' San Ġorġ Martri li kienet iċċellebrata ħmistax wara.

Il-Banda Anici Tagħmel Rekord ieħor

  Fi żmien ħames snin il-Banda Anici reġgħet għamlet record ieħor importanti fl-istorja tagħha meta għal darba oħra, l-istess kif kienet għamlet fl-2003, il-Ħadd 10 ta' Awwissu 2008, daqqet fl-istess ħin u data f'żewġ purċissjonijiet differenti, fil-Birgu għall-festa ta' San Lawrenz u fil-Ħamrun għall-festa ta' San Gejtanu. Sa din id-data l-ebda banda oħra f'Malta u Għawdex ma wettqet dan. Mhux ħaġa faċli iżda d-determinazzjoni tad-diriġenti għamlet din il-bravura għal darba oħra possibbli.

  Att Notarili mas-Surmast Onorarju Frank Galea

Nhar il-Ħamis 16 t' Ottubru 2008 quddiem in-nutar Anthony Abela sar l-att Notarili dwar il-mużika tal-ewwel Surmast Direttur tal-Banda Frank Galea u li tippossiedi l-Għaqda.

F'dal-kuntratt ġew marbuta l-Valzi tal-Għid, l-Innu tal-Banda u l-Appoteosi ta' San Ġorġ Martri, kollha kompożizzjoni tas-Surmast Galea. B'hekk dil-mużika tista' tindaqq biss mill-Banda Anici. Preżenti waqt il-kuntratt li sar fis-Sala San Ġorġ Martri fil-każin, barra n-Nutar u s-Surmast Frank Galea u l-avukati tiegħu, minn naħa tal-Amministrattiv tal-Għaqda kienu preżenti l-President il-Profs. Antoine Agius, is-Segretarju l-Kav. Saviour Mifsud, id-Direttur Ġenerali u Chairman tal-Kummissjoni Banda l-Kav. John Mary Spiteri u l-Kaxxier il-Kav. George Portelli.

L-Għaqda rreġistrat fl-Organizzazzjoni tal-Għaqdiet Volontarji

Is-Sibt 8 ta' Novembru 2008, l-Għaqda kienet irreġistrata f'l-Organizzazzjoni tal-Għaqdiet Volontarji.

Din hija liġi li fiha tiġbor dawk l-għaqdiet kollha li jaħdmu b'mod volontarju f'pajjiżna. L-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici kienet minn ta' quddiem nett li rreġistrat f'din l-Organizzazzjoni.

Żjara fil-Każin mill-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Joseph Muscat

Żjara oħra fil-każin saret mill-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Joseph Muscat bħala parti miż-żjarat li kien qiegħed jagħmel bħala Kap. Diż-żjara saret it-Tlieta 9 ta' Diċembru 2008. Dr Muscat f'diż-żjara segwa ukoll lill-bandisti li dak il-ħin kienu qegħdin waqt il-provi. Hu sellem lil kull min kien preżenti u kellu kliem ta' tifħir għall-mod li bih hu miżmum tajjeb il-kazin u għall-attività ħajja li l-każin hu imdawwar biha.

L-Ewwel Għaqda f'Malta u Għawdex  irreġistrata fil-liġi tal-Persuna  Ġuridika

Il-Ġimgha 16 ta' Jannar 2009, l-Għaqda kienet irreġistrata fil-Liġi tal-Persuna Ġuridika.

L-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici kienet l-ewwel Għaqda Mużikali f'Malta u Għawdex li  kienet irreġistrata taħt din il-liġi.

Il-Banda fl-Okkażżjoni tas-Sena Pawlina

L-istorja ta' din l-Għaqda hija mżewqa ġmielha. Okkażżjoni oħra mmarkata b'ittri tad-deheb kienet nhar is-Sibt 7 ta' Frar 2009 fl-okkażżjoni tas-sena Pawlina meta s-Soċjetà Filarmonika Nazzjonali La Vallette għamlet stedina lis-Surmast Direttur Joseph Vella biex banda ffurmata minn ħames baned diretti minnu tagħmel programm fil-każin tagħhom bħala Mass Band. L-istedina ġiet milqugħa u għalhekk il-Banda Anici flimkien mal-baned Santa Elena ta' Birkirkara, San Gabriel ta' Ħal Balzan, La Vittoria tal-Mellieħa u Lourdes ta' San Ġwann tellgħu dan il-programm.

Għall-Banda Anici kien ta' unur ukoll li f'dal-programm indaqqet l' ouveture ‘20th Anniversary to Anici Band', kompożizzjoni tas-Surmast Direttur Joseph Vella, li kitibha biex ifakkar dan l-anniversarju li kien fl-2008. Waqt dan il-programm saret preżentazzjoni tal-okkażżjoni mil-ħames baned, kemm lis-Surmast kif ukoll lis-Soċjetà Filarmonika Nazzjonali La Vallette. Aktar tard, l-istess Soċjetà tagħat tifkira oħra u ċertifikat ta' din l-okkażjoni.

Iħallina Membru Onorarju Ieħor

L-aħbar tal-mewt malajr kienet fuq fomm kulħadd. Kien il-Hadd 22 ta' Marzu 2009, meta s-Sur Carmelo Mallia, Membru Onorarju tal-Għaqda mar jingħaqad mal-Mulej. Il-funeral tiegħu sar it-Tnejn 23 ta' Marzu 2009 . Rappreżentanza mill-Kumitat Amministrattiv attendiet għall-quddiesa presente cadavere li saret fil-Knisja Arċipretali u Matriċi ta' San Ġorġ Martri. Is-Sur Carmelo Mallia għal xi żmien kien ukoll membru fil-Kumitat Amministrattiv.

Merħba lil Iben Ħal Qormi, il-President ta' Malta

Il-Ħamis 23 t'April 2009, proprju fil-Jum Liturġiku ta' San Ġorġ Martri u Jum l-Għaqda Soċjo-Mużikali Anici, il-banda daqqet f'Mass Band mal-banda l-oħra tal-parroċċa l-Innu Malti u Fjur tal-Martri fil-preżenza ta E.T. l-President ta' Malta Dr George Abela. Id-direzzjoni tal-banda kienet taż-żewġ surmastrijiet fejn iddiriġew innu kull wieħed. Dan sar fuq suġġeriment tal-Arċipriet il-W.R. Kan. Anton Cassar. Is-Surmast Direttur Joseph Vella ddirieġa l-innu popolari ‘Fjur tal- Martri'.

Mass Band Bejn it-Tliet Baned Qriema

It-Tnejn 25 ta' Mejju 2009, fl-okkażżjoni ta' Jum Ħal Qormi, it-tliet baned Qriema daqqew flimkien bħala Mass Band fil-ħin li ngħatat merħba lill-President ta' Malta l-E.T. Dr Geroge Abela li kien preżenti. Din l-inizzjattiva ttieħdet mill-Kunsill Lokali Qormi.

Website b'dehra ġdida

Is-Sibt 24 ta' Ottubru 2009 , waqt attivita fil-Kazin , ġiet inawgurata l-website tal-Għaqda b'dehra  ġdida mill-President , il-Profs Antoine Agius. F l -ewwel jumejn min din il-website daħlu fiha 'l-fuq min 200 ruħ  u anke  wħud  ħallew il-messaġġi tagħhom fil-Guestbook u anke f'kuntatt . Kien hemm kliem ta' tifħir għall mod  ta '  kif  ġiet  ipprezentata din il-website. Waqt iċ-ċerimonja tal-inawgurazzjoni ,  il-website dehret fuq big screen u saru ringrazzjamenti lil kull min ta' sehmu f'din il-website. Din mhix l-ewwel website li kellha l-Għaqda ,  u kif rajna  ġa f'din l-istorja l-ewwel waħda kienet organizzata mis-Sezzjoni  Żgħazagh Stillieri 2004. Wara saret oħra li kompliet tiġġedded . Issa din hija it-tlielet waħda bl-aħħar teknoloġiija moderna.

Imut Membru Onorarju Ieħor

Il-Ħadd 25 ta' Ottubru 2009, ġriet l-aħbar tal-mewt tas-Sur Alfred Scerri.  Membru Onorarju tal-Għaqda, li hu emigrant. Miet id-dar tiegħu fi Florida fl-Istati Uniti tal-Amerika. Is-Sur Fred Scerri kif kien magħruf kien ukoll il-President tal-Festa San Gorg Association ta ' Toronto, il-Canada. L-Għaqda sellmet lil dan il-Membru tagħha billi tajret il-bandiera meżżasta u tqiegħed ċoff iswed mal-bieb prinċipali tal-Każin u ntbagħtu wkoll il-kondoljanzi lill-familjari tiegħu.

Bi pjaċir kbir inħabbru li fl-2013 l-Għaqda ser tfakkar bil-kbir, kif inhu xieraq, l-ewwel kwart ta' seklu mit-twaqqif tiegħu.  

Ad Multos Annos.