L-ewwel dehera tal-Banda fil-Festa ta' San Ġorġ Martri kien, billi daqqet fl-aħħar Jum ta' Tridu, li kien nhar il-Ġimgħa 24 ta' Ġunju, 1988, u nhar il-festa, il-Ħadd filgħodu, 26 ta' Gunju, 1988, fejn għamlet marċ brijjuż mat-toroq tal-Parroċċa u allegrat mhux ftit bil-marċi sbieh u brijjużi li daqqet. Ghall-okkazzjoni minkejja li kienet hila ftit xhur biss imwaqfa xorta waħda ippublikat ktieb b'sitta u tletin paġna li baqa' joħroġ u jikber. Id-Deriġenti kienu għamlu dan, biex is-Soċi u l-Ammiraturi, juruhom x'ħejjew għall festa. Kien sar Bord Editorjali li kien kompost mill-Professur Antoine Agius, President ta' l-Għaqda, Chev. John Mary Spiteri, Direttur Ġenerali u Dr. Carmel Bianchi President Onorarju li kien inħatar bħala Editur.
Minn dakinhar 'l hawn, il-Banda Anici baqgħet tagħti s-servizz tagħha fil-Festa Titulari u saħansitra wkoll mis-sena 1992 żiedet il-parteċipazzjoni tagħha għal Erba' servizzi, it-Tlieta, l-Erbgħa, il-Gimgħa u l-Ħadd filgħodu. Dan ma kienx biżżejjed għad-Diriġenti u sena wara żieded ukoll is-Sibt lejliet il-Festa. Dawn is-servizzi għada tagħtihom sal-lum. B'hekk il-Banda Anici bħala banda tal-Parroċċa ħadet kull dritt li kien jixirqilha.